128 student Franċiż pożittivi għall-Covid-19 se jħallu Malta abbord titjira speċjalizzata

Bejn it-Tnejn u t-Tlieta telqu wkoll 200 student u studenta li kienu qed jagħmlu kwarantina f'Malta

Grupp ta' studenti li ttestjaw pożittivi għall-Covid-19 se jkunu qed iħallu Malta llum waranofsinhar abbord titjira medika lejn Franza biex ikunu jistgħu jkomplu ż-żmien ta' kwarantina fi Franza.

Irrapportat dan dalgħodu t-Times of Malta. Abbord dan l-ajruplan se jkun hemm xejn inqas minn 128 pazjent, kollha kemm huma pożittivi.

It-titjira se tkun operata mill-ASL Airlines France, li tispeċjalizza f'titjiriet sanitarji u mediċi. Sa issa għadu mhux magħruf jekk hemmx titjiriet oħra simili li huma ppjanati għal studenti minn pajjiżi oħra.

Intant jidher ukoll li 200 student ieħor ġew ripatrijati lejn pajjiżhom abbord żewġ titjiriet li ħallew Malta bejn nhar it-Tnejn u t-Tlieta. Dawn ma kinux pożittivi għall-virus imma kienu fi kwarantina.

It-titjira tat-Tnejn niżlet l-ewwel Ruma u kompliet triqitha lejn Frankfurt fil-Ġermanja filwaqt li dik tat-Tlieta marret l-ewwel pariġi u kompliet lejn Madrid.

Ilbieraħ sar magħruf li kwart tal-każi attivi tal-Covid-19 f'Malta, jew aħjar 500 każ, huma studenti barranin li kienu Malta biex jistudjaw l-Ingliż. 

Fil-fatt, l-isplużjoni ta' każi fost l-istudenti tal-Ingliż waslet għal żieda kbira ta' każi f'Malta, tant li l-ECDC reġgħet poġġiet lill-pajjiż fuq il-lista l-ħamra. 

More in Politika