Filmat | Bartolo jgħid li għalissa post Malta fuq il-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit għadu sigur

Clayton Bartolo jerġa' jinsisti li grazzi għall-persentaġġ għoli ta' persuni vvaċċinati f'Malta ma hemmx biża' li d-deċiżjoni tal-ECDC se taffetwa l-prospetti turistiċi

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo f'kummenti ma' dan is-sit reġa' sostna li mhux qed jara li jkun hemm effett qawwi fuq it-turiżmu minħabba d-deċiżjoni tal-ECDC propju għax ir-rata ta' vaċċinazzjoni f'pajjiżna hija daqstant għolja.  Fil-fatt mal-illum.com.mt il-Ministru Bartolo qal illi iktar kemm qed jiżdied n-numru ta' nies ivvaċinati, inqas qed ikun hemm kanċellamenti, speċjalment ta' turisti li ġejjin Malta iktar tard din is-sena u mhux fl-immedjat. Ir-rata ta' persuni vvaċinati lokalment taqbeż il-81%.

Mistoqsi jekk hux qed jara li l-pożizzjoni ta' Malta fuq il-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit hix mhedda b'dawn iż-żidiet, Bartolo wieġeb fin-negattiv. 

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Mard (ECDC) poġġa lil Malta fuq il-lista l-Ħamra tiegħu wara li l-każi pożittivi ta' Covid-19 żdiedu fl-aħħar ġimgħat, kif għamlet lil Spanja u l-Olanda. Bartolo fakkar li n-numru tal-każi qed jiżdiedu kullimkien fl-Ewrope u l-madwar.

Ara hawnhekk artiklu li deher il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta ILLUM dwar il-każu u r-restrizzjonijiet madwarna. 

Sa issa kienet biss il-Litwanja li poġġiet lil pajjiżna fil-Lista l-Ħamra, li allura jfisser li meta persuna tidħol f'dan il-pajjiż u tkun ġejja minn Malta trid tagħmel kwarantina. 

Bartolo, bħalissa jinsab xi ftit jew wisq taħt pressjoni minħabba numri ta' każi ta' Covid-19 li żdiedu minħabba imxija fost turisti, l-aktar studenti. Fil-fatt kienu b'kollox madwar 500 student li huma pożittivi mit-total ta' każi attivi bħalissa. F'kummenti lis-sit maltatoday huwa  qal illi l-Gvern se jkompli bil-ħidma fl-irkupru tat-turiżmu.  "Irridu inkomplu bl-irkupru u rridu nkomplu naġġustaw id-deċiżjonijiet tagħna  skont il-bżonn."

Huwa fakkar li meta l-Gvern iddeċieda li persuni li jidħlu Malta jkunu vvaċċinati, inkella jagħmlu kwarantina, diversi kkanċellaw il-vaganza f'Malta. Insista iżda li d-deċiżjoni kellha tittieħed għall-ġid ta' saħħet in-nies. Mistoqsi kellhiex tittieħed qabel din id-deċiżjoni, huwa wieġeb fin-negattiv 

 

More in Politika