Lettur tal-MCAST ressaq quddiem il-Qorti mandant ta’ inibizzjoni biex jipprova jwaqqaf id-deċiżjoni tal-kulleġġ biex jitterminawlu xogħlu, wara li fi kliemu, kien hemm diversi tentattivi oħra biex iwaqqfuh milli jgħallem jew jikkomunika mal-istudenti.
Il-Ġeologu Peter Gatt ħa l-każ quddiem il-Qorti wara li rċieva ittra mill-Qorti tinfurmah li ma kienx se jibqa’ jgħallem u li l-ġurnata ta’ wara (li rċieva l-ittra) kellha tkun l-aħħar ġurnata tiegħu fl-MCAST.
Quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, l-għalliem qed jisħaq li d-deċiżjoni hija waħda “abbużiva, vendikattiva u li tikser id-drittijiet tiegħu.”
Fil-Qorti nstema’ kien Gatt jaħdem mal-Ministeru għall-Edukazzjoni iżda huwa l-uniku ġeologu fl-MCAST u kien ilu jgħallem mill-2014.
L-Avukat tal-għalliem insista li dawn it-tentattivi ilhom xhur għaddejja, meta fil-bidu tas-sena skolastika li għaddiet ma ngħata l-ebda timetable jew studenti x’jgħallem.
Huwa kien ħa l-każ quddiem l-Ombudsman għall-Edukazzjoni u li wkoll kien ikkundanna dan il-każ.
Skont l-Avukat tal-ġeologu, il-problemi mal-MCAST bdew meta hu ġibed l-attenzjoni tat-tmexxija dwar “is-sillabu fqir” li kienu qed jingħataw l-istudenti.
L-Imħallef Francesco Depasquale mistenni jiddeċiedi l-Ħamis dwar dan il-każ.