Pjan ta' Rkupru: €41 miljun għal campus ġdid tal-ITS u €190 miljun fi proġetti ta' enerġija nadifa

Mill-Pjan tal-Irkupru u Reżiljenza ta’ Malta il-Gvern qed jipproponi li jonfoq ukoll €50 miljun għas-saħħa u €10 miljuni biex issir id-diġitilizzazzjoni tal-Qrati

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi żvela kif €189 miljun mill-Pjan tal-Irkupru u Reżiljenza ta’ Malta (RRP) qed ikun propost li jintefqu biex jindirizzaw inizjattivi favur enerġija nadifa, b’investimenti fir-rinnovar ta’ bini pubbliku u bini kummerċjali tal-privat biex jużaw inqas enerġija. Se jsiru aktar skemi biex il-karozzi tas-servizz pubbliku, il-karozzi tal-privat u anke l-vetturi tat-trasport pubbliku ikunu jaħdmu bl-elettriku biex jonqsu l-emmissjonijiet.

Nefqa ta’ €55 miljun sejra għall-qasam diġitali favur ekonomija diġitali, intelliġenti u reżiljenti.

Qed tiġi ppjanata nefqa oħra ta’ €50 miljun biex is-sistema tas-saħħa tkun aktar reżiljenti u nefqa ta’ €41 miljun biex jinbena kampus ġdid għall-ITS. Qed tiġi allokata nefqa ta’ €10 miljuni biex issir id-diġitilizzazzjoni tal-Qrati filwaqt li ħa jkomplu jingħataw spinta ’l quddiem ir-riformi meħtieġa biex tissaħħaħ il-governanza fil-pajjiż.

Dan il-pjan li għall-implimentazzjoni tiegħu qed jiġu allokati €345 miljun f’baġit totali.

Il-pjan tfassal skont il-kriterji stabbiliti mill-istess Kummissjoni Ewropea fosthom li 37% tal-infieq iridu jkunu indirizzati lejn proġetti ambjentali marbuta mat-tibdil fil-klima, 20% mat-tranżizzjoni diġitali u riformi marbuta mal-Country Specific Recommendations għal Malta għas-snin 2019, 2020.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi temm jistqarr li Malta qegħda tkun ambizzjuża aktar mill-miri tal-istess Kummissjoni għaliex f’dak li jirrigwarda l-ambjent qed tippjana li tonfoq madwar nofs l-allokazzjoni kollha għal proġetti ambjentali u madwar 26% tan-nefqa immirati lejn proġetti konnessi mad-diġitilizazzjoni tal-ekonomija. 

More in Politika