‘Il-Gvern issodisfa l-obbligi tiegħu u ħareġ avviż legali sabiex jitwettqu l-erba' direttivi tal-UE' - Aaron Farrugia

Il-Ministru Aaron Farrugia b’risposta dwar it-twissijiet li kisbet Malta lura f’Ġunju mill-Kummissjoni Ewropea 

Fil-bidu ta’ Ġunju, Malta sabet quddiem wiċċha sensiela ta’ twissijiet mill-Kummissjoni Ewropea fosthom dawk li jitolbu biex jinqata l-insib filwaqt li titwaqqaf b’mod immedjat l-iskema magħrufa bħala “passaport tad-deheb” jew bejgħ taċ-ċittadinanza. 

Madankollu inkluż mal-lista ta’ tmien twissijiet insibu erba’ relatati mal-immaniġjar tal-iskart. Rigward dan is-suġġett, il-gazzetta ILLUM tkelmet mal-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar, Aaron Farrugia.  

Lill-Ministru, il-gazzetta staqsietu jekk Malta hux qed tieħu l-passi neċċesarji biex il-Kummissjoni Ewropea ma tressaqx lill-pajjiż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Għal dan Farrugia qal biss, “Il-Gvern issodisfa l-obbligi tiegħu u ħareġ avviż legali sabiex iwettaq l-erba' direttivi tal-UE rigward l-iskart. Tibqa' dejjem prerogattiva tal-UE meta tagħlaq kwalunkwe proċedura ta’ infringement.” 

Fir-risposta tiegħu, Farrugia qal li l-Ministeru diġà ħareġ l-avviżi biex iġib il-liġijiet nazzjonali konformi mal-modifiki li qed jitolbu l-Unjoni Ewropea. Sfortunatament il-gazzetta m’għandhiex ħjiel ta x’inhuma dawn il-liġijiet ġodda s’issa.  

Fil-lista dettaljata tal-Kummisjoni Ewropea, wieħed jista’ jsib il-ksur li seħħ minn bosta pajjiżi, mhux biss Malta. Kull ksur jiġi indirizzat billi jisemma liema direttivi inkisru u jingħata perjodu ta’ żmien sabiex dak il-pajjiż konċernat jirranġa li hemm bżonn. 

L-Unjoni Ewropea tat lil Malta xahrejn żmien  biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa rigward dawn l-erba' twissijiet, inkella l-każijiet jistgħu jiġu riferuti lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. 

It-twissijiet relatati mal-ambjent li ngħataw mill-Kummissjoni  Ewropea kienu jindirizzaw bosta fatturi fosthom vetturi li m'għadhomx jintużaw, skart bħal batteriji u tagħmir elettroniku kif ukoll l-ippakjar ta’ prodotti u l-iskart li dawn jiġġeneraw b’mod speċjali l-plastik. 

Id-direttivi li ġew mehmużin mal-ksur li għamel pajjiżna, ħarġu snin ilu b’uħud minnhom imorru lura għas-sena 2000. Biex inkunu tajna eżempju, waħda mill-ksur tinkludi l-miżbla. Id-Direttiva li ħarġet fl-2018, tintroduċi restrizzjonijiet fuq ir-rimi fil-miżbliet biex tillimita s-sehem ta' skart muniċipali għal 10% sal-2035, u tintroduċi regoli dwar il-kalkolu ta' kif jintlaħqu l-miri ta' skart muniċipali.  

Dan kollu qed isir minħabba l-EU Green Deal li jenfasizza l-importanza li l-Ewropa tibqa’ fit-triq it-tajba biex tilħaq l-għanijiet ambjentali tagħha sal-2050. Intant l-iktar punt kruċjali minn dan il-ftehim hu l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità għall-2030. Din l-istrateġija hi magħmula minn numru ta’ leġislaturi u miżuri biex l-UE tilħaq numru ta’ għanijiet sa’ disa’ snin oħra. 

Kemm il-ftehim u anke l-istrateġija jenfasizzaw l-importanza għall-UE li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-istati membri fosthom Malta billi tippreserva s-siti naturali tagħna u tirrestawra l-ħsara tal-ekosistemi għal stat ekoloġiku tajjeb. 

More in Politika