'Degorgio ngħata ċ-ċwievet foloz u l-pjanijiet għas-serqa tal-HSBC quddiem Cardona u Abela'

Jixhed dan id-Deputat Jason Azzpardi wara li l-Ministru Carmelo Abela fetaħlu libell hekk kif implikah fis-serqa tal-HSBC tal-2010

Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi allega li, "ftit jiem qabel is-serqa tal-HSBC f' Ħal Qormi fl-2010, Alfred Degiorgio ngħata l-pjanijiet u sett ta’ ċwievet foloz f’appartament ġo Fleur de Lys fil-preżenza tal-eks Ministru Chris Cardona u l-Ministru fil-Kabinett kurrenti Carmelo Abela."

Dan intqal fil-Qorti propju illum fil-każ ta’ libell li Carmelo Abela ressaq kontrih fuq post ta’ Facebook li fih Azzopardi implika li l-Ministru kien marbut mas-serqa.

Azzopardi sostna li l-informazzjoni nġabret minn "sorsi professjonali u l-pulizija." Azzopardi qal li Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, kien ipprovda informazzjoni dettaljata dwar reati oħra biex isostni t-talba tiegħu għal maħfra presidenzjali. Dik l-informazzjoni kienet tinkludi dettalji dwar il-ġranet li wasslu għall-attentat tas-serqa tal-2010, meta Muscat iddikjara li saq lil Alfred Degiorgio, lejn appartament fi Fleur de Lys, li huwa tal-avukat David Gatt.

Degiorgio, ingħata pjanijiet, filmati u ċwievet foloz għall-bini tal-bank matul dik il-laqgħa fejn Cardona u Abela kienu t-tnejn preżenti, xehed Azzopardi.

Carmelo Abela li kien qiegħed fl-awla, ftit passi 'l bogħod mix-xhud, deher li qiegħed jidħak u kien hawn fejn il-Maġistrat Rachel Montebello qaltlu, "tidħakx, Ministru." 

Azzopardi injorah filwaqt li kompla jallega li Cardona sussegwentement ġie arrestat fuq it-talbiet tiegħu fuq l-istess sorsi, dan filwaqt li qal li huwa kien poġġa l-kumment ta’ Facebook wara li l-Ministru kien weġġgħu b'affarijiet personali.

 

More in Politika