Il-Gvern jinvesti €3 miljun fis-sena biex joffri mediċina b'xejn għall-pazjenti tas-Cystic fibrosis

Din il-mediċina hija impossibbli li jaffordjaha pazjent għax tiswih mal-€200,000 fis-sena

Il-Gvern ħabbar li b’investiment ta’ €3 miljun fis-sena se jibda joffri b’xejn il-mediċina għall-14-il pazjent f’Malta li jbatu mis-Cystic fibrosis, marda li tikkawża ħsara fil-pulmun u u organi oħra importanti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fis-CPSU, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan kien proċess li telaq min-nies, għax kienu l-istess pazjenti li spjegaw is-sitwazzjoni lilu. Insista li din il-mediċina hija impossibbli li jaffordjaha pazjent.

Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal li pazjent ikollu bżonn mal-€200,000 fis-sena biex jixtri din il-mediċina.

“Din il-mediċina se tkun qed ittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn in-nies. Se tkun qed ittaffi ftit mit-tbatija tagħhom u l-familji tagħhom,” saħaq il-Prim Ministru.

Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li din il-marda tibda minn etajiet żgħar tant li ħafna mill-pazjenti huma tfal, adoloxxenti u żgħażagħ. Qal li meta kien jaħdem bħala kirurgu tat-tfal, ġieli kellu jopera anke trabi ta’ ġurnata.

Fakkar ukoll li sa ftit tas-snin ilu, għax ma kienx hawn mediċina, il-pazjenti b’din il-kundizzjoni kienu jgħixu biss madwar 25 jew 30 sena. Illum, b’din il-kura, dan inbidel.

Saħansitra qal li l-istess mediċina tnaqqas bi 80% il-bżonn li dawn il-pazjenti jkollhom bżonn kura fl-isptarijiet.

Intant, il-Prim Ministru fakkar li s-settur tas-saħħa jibqa’ prijorità, tant li l-baġit biex jinxtraw il-mediċini u l-apparat mediku, illum jaqbeż il-€150 miljun fis-sena, liema investiment qed jiżdied b’madwar €10 miljun kull sena.

Qal ukoll li l-lista tal-mediċini fuq il-formolarju tal-Gvern qed tkompli tiżdied, inkluż mediċina kontra l-kanċer u d-dijabete. Ħabbar li din il-ġimgħa, il-Kabinett approva x-xiri ta’ aktar mediċini li se jitħabbru aktar ‘il quddiem.

Fejn tidħol il-pandemija, is-sena li għaddiet biss, il-Gvern investa €110 miljun biex ikunu jistgħu jinxtraw ventilators, swab tests, ilbies protettiv u fuq kollox il-vaċċin. 

More in Politika