Il-PM jinforma lil Cutajar li r-riżenja tagħha minn Segretarju Parlamentari saret permanenti

Dan wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li Cutajar kisret il-kodiċi tal-etika meta ħadet flus mingħand Yorgen Fenech u ma ddikjarathomx

Il-Prim Ministru Robert Abela informa lid-Deputata Rosianne Cutajar li r-riżenja tagħha minn Segretarju Parlamentari se tibqa' fis-seħħ.

Cutajar kienet irriżenjat "b'mod temporanju" sakemm kienet taħt investigazzjoni wara rapporti li hi ħadet flus mingħand Yorgen Fenech u flus oħra f'senserija meta għenet lill-istess Fenech biex jakkwista proprjetà fl-Imdina.

Hekk kif din l-investigazzjoni ġiet konkluża, il-Prim Ministru sejjaħ lil Cutajar u informaha li r-riżenja tagħha issa se tkun waħda permanenti.

Yorgen Fenech huwa l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Intant, il-Membri tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, qablu li jippubblikaw ir-rapport dwar l-investigazzjoni li saret mill-Kummissarju George Hyzler dwar dan il-każ.

Il-Kumitat iltaqa’ dalgħodu u f’laqgħa qasira ta’ tmien minuti qablu li jippubblikaw ir-rapport tal-Kummissarju George Hyzler.

Ir-rapport jinkludi żewġ volumi, wieħed tal-evidenza li ġabar Hyzler tul l-investigazzjoni u l-ieħor dwar chats privati bejn Cutajar u Fenech u dokumenti bankarji tad-Deputata.

L-aħħar volum, se jkun disponibbli biss għad-Deputati membri ta’ dan il-Kumitat.

Il-Kumitat se jkun qed jerġa’ jitlaqqa’ nhar it-Tnejn 12 ta’ Lulju, fit-8:30am, biex jisma’ lil Hyzler.

L-investigazzjoni ntalbet mill-kandidat indipendenti Arnold Cassola wara storja li kienet ippubblikata fuq il-MaltaToday u li kienet tispjega kif Cutajar u anke Charles Farrugia rċevew senserija mill-bejgħ ta’ din il-proprjetà fl-Imdina li ried jixtri Fenech. 

Il-bejgħ ma kienx ġie ffinalizzat hekk kif Fenech kien ġie arrestat. Propju għalhekk li s-sid tal-proprjetà beda jiġri wara Cutajar biex jingħata l-flus lura.

Cutajar ma kinitx iddikjarat dan id-dħul u kienet qalet li €9,000 li rċeviet kienu rigal ta’ għeluq snina mingħand Fenech.

Hyzler ma emminx din il-verżjoni u kkonkluda li Cutajar kisret il-kodiċi tal-etika. Huwa ssuġġerixxa wkoll li d-Deputata tkun investigata mill-Kummissarju ta-Taxxa. 

Intant, fl-aħħar jiem fuq Facebook, Cutajar qalet li ma taqbilx mal-konklużjonijiet ta' Hyzler u qalet ukoll li mhux se tirriżenja mill-Parlament u għalhekk se tibqa' Deputata Laburista.

More in Politika