Cutajar tinstab ħatja li kisret l-etika parlamentari fuq ftehim għal bejgħ ta' proprjetà lil Yorgen Fenech

Dan f'rapport tal-Kummissarju tal-Istandards konkluż u mibgħut lill-Ispeaker illejla

Id-Deputat Laburista Rosianne Cutaar instabet ħatja li kisret l-istandards etiċi parlamentari f'investigazzjoni li titratta l-involviment tagħha fi ftehim dwar proprjetà fl-Imdina li kellu jixtri Yorgen Fenech.

Dan jirriżulta mir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler, liema rapport għadda għand l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia llejla. Meta rapport ma jkunx ippubblikat imma mgħoddi lill-Ispeaker ikun ifisser li nstab ksur tal-etika. 

Dan ir-rapport issa se jmur quddiem il-Kumitat tal-Istandards tal-Parlament, li jiddeċiedi meta jkun ippubblikat tali rapport. 

Il-konvejnu dwar din il-proprjetà kien sar f'Mejju 2019 ma' Pierre Lofaro, li jidher għall-kumpanija Green Eyes Ltd.  Din il-kumpanija hija ta' żewġ kumpaniji oħrajn immexxijin mill-istess Lofaro, iżda li huma proprjetà ta' Joe Camilleri. Dan huwa is-sid tal-proprjetà fl-Imdina. 

 Kien ġie rrappurtat illi Yorgen Fenech kien diġà mar fil-proprjetà ma' Cutajar, li dak iż-żmien kienet Deputata, flimkien ma' Charlie Farrugia magħruf aħjar bħala t-Tikka. 

Cutajar dejjem ċaħdet allegazzjonijiet li hi daħħlet xi forma ta' flus minn tranżazzjoni li titratta din il-proprjetà u kienet ukoll ċaħdet il-verżjoni ta' Camilleri dwar dak li ġara. Hu kienet sostniet illi dawn l-allegazzjonijiet kienu "bla bażi u malizzjużi."

More in Politika