Il-Gvern qed jaħdem għal Baġit ieħor f'Ottubru ...jonqsu l-prospetti ta' elezzjoni fl-2021

Minkejja li tibqa' prerogattiva tal-PM meta tissejjaħ elezzjoni ġenerali, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jikkonferma mal-ILLUM li x-xogħol diġà beda għall-Baġit f'Ottubru. Jekk dan iseħħ, inaqqas mill-prospetti ta' elezzjoni din is-sena minħabba li ...

Il-PM Abela jwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wara l-Baġit tas-sena l-oħra
Il-PM Abela jwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wara l-Baġit tas-sena l-oħra

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kkonferma mal-gazzetta ILLUM li l-ħidma diġà bdiet biex il-Gvern jipprepara u jressaq Baġit ieħor - l-aħħar baġit tal-Leġiżlatura u l-ewwel baġit ta' Caruana bħala Ministru tal-Finanzi. Dan wara li l-gazzetta staqsietu jekk dan l-eżerċizzju importanti għadux skedat bħas-soltu għal Ottubru minħabba diċċeriji kontinwi u persistenti dwar elezzjoni ġenerali wara dan is-sajf. 

Jekk jitressaq il-Baġit f'Ottubru - ftit wara li jkun reġa' fetaħ il-Parlament wara li jidħol lura mill-vaganzi tas-Sajf (ġeneralment ftit wara l-Indipendenza) - ikun ifisser li l-prospetti ta' elezzjoni ġenerali din is-sena jonqsu mhux ħażin, għalkemm xorta jibqgħu possibbli. Dan minħabba li jekk jitressaq il-Baġit jeħtieġ jiġi approvat qabel elezzjoni ġenerali u allura qabel l-għeluq tal-leġiżlatura. 

Dan ikun ifisser li l-ġimgħa ta' wara ikun hemm ir-reazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni u wara tal-Prim Ministru li jwieġbu, sussegwentement ikun hemm l-estimi tal-Baġit li jdumu madwar ġimagħtejn u li matulhom jiġi diskuss kull Ministeru individwalment u jittieħdu l-voti biex il-Baġit ikun approvat. 

Importanti li wieħed jiftakar ukoll li Malta - membru tal-UE u taż-żona ewro - trid tippreżenta il-Baġit tagħha sal-15 ta' Ottubru lill-Kummissjoni Ewropea, li allura tagħmel elezzjoni qabel dik id-data waħda diffiċli wkoll. 

Bil-liġi iridu jgħaddu minimu ta' 33 jum mid-data ta' meta jiġi xolt il-Parlament sad-data tal-elezzjoni ġenerali, li jfisser allura illi l-Baġit u l-proċess relatat miegħu jħalli biss tieqa għal elezzjoni ġenerali f'nofs jew fl-aħħar ta' Novembru, eżatt mal-bidu tal-istaġun tal-Milied.

Minkejja li tibqa' prerogattiva tal-Prim Ministru, Baġit f'Ottubru jkun ifisser allura li l-prospetti ta' elezzjoni din is-sena jonqsu u kollox jimxi għas-sena d-dieħla, lejn il-bidu jew l-aktar tard, in-nofs. 

Skont il-Kostituzzjoni, Gvern jista' jibqa' f'postu sa ħames snin u tliet xhur wara elezzjoni ġenerali, li jfisser li teknikament dan il-Gvern jista' jibqa' fil-poter sa Settembru 2022.  Dan ix-xenarju huwa xi ftit jew wisq remot (għalkemm mhux impossibbli) għaliex biex jiġri hekk il-Prim Ministru jkun irid iħabbar elezzjoni f'Awwissu - xi ħaġa li qatt ma ġrat, għajr darba fil-kriżi politika tal-1998, meta kien waqa' l-Gvern Laburista ta' Alfred Sant. 

Żewġ sorsi li din il-gazzetta tkellmet magħhom, wieħed fil-kabinett u ieħor qrib tal-Gvern it-tnejn sostnew li ma jarawx għaliex il-Gvern għandu jmur għal elezzjoni din is-sena, meta wieħed iqis il-vantaġġ enormi li għad għandu kif ukoll r-rata tajba ta' vaċċinazzjoni. Hemm ukoll sentiment fi ħdan il-PL, li dan il-Gvern għandu jagħmel il-leġiżlatura kollha (2017 - 2022), kuntrarjament għal dak ta' qablu (2012 - 2017).

Minkejja dan, persuni li kellmu din il-gazzetta qalu wkoll iżda li mill-Partit Laburista ingħatat id-direzzjoni biex il-Ministri, Segretarji Parlamentari u kandidati Laburisti jibdew jaħdmu daqslikieku qegħdin f'kampanja elettorali. 

Finalment jidher ukoll skont it-tielet u l-aħħar sors ta' din il-gazzetta, illi r-riżultat tal-FATF biddel xi ftit mill-pjanijiet bil-Gvern determinat li jressaq il-baġit kif ukoll li qabel l-elezzjoni juri bil-fatti li qed jaħdem biex il-pajjiż joħroġ mill-Lista l-Griża, xi ħaġa li ma jidhirx li se tkun ġrat sal-elezzjoni ġenerali skont il-gazzetta oħt Maltatoday.
 

 

More in Politika