Jitlob biex l-aħwa Degiorgio u l-Koħħu jiddaħħlu bħala partijiet fil-libell kontrih mill-Ministru Abela

Jason Azzopardi jfakkar fid-diversi drabi li dawn it-tliet irġiel implikaw lil Carmelo Abela fis-serqa tal-HSBC fl-2010

L-Avukat u d-Deputat Jason Azzopardi sejjaħ lill-Qorti biex fil-każ tal-libell miftuħ mill-Ministru Carmelo Abela kontrih, jiddaħħlu bħala partijiet l-aħwa Alfred u George Degiorgio kif ukoll Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu. 

Abela kien fetaħ libell kontra Azzopardi, wara li dan tal-aħħar f'messaġġ fuq Facebook kien implika lill-Ministru fis-serqa fl-HSBC fl-2010, xi ħaġa li qalha wkoll Vince Muscat u l-aħwa Degiorgio li qed jitlobu maħfra Presidenzjali għax qalu li jridu jikxfu kif - skont huma - fis-serqa tal-HSBC kien hemm eks Ministru u Ministru kurrenti imdaħħlin. 

Fl-2010 Abela kien jaħdem fil-bank u kellu aċċess għat-tagħmir li jipproduċi aċċess għall-cards tas-sigurtà.

Azzopardi fakkar li fi Frar 2021 Muscat kien indika lis-CID illi l-Ministru in kwistjoni kien strumentali fl-għoti ta' informazzjoni sigrieta

Azzopardi jgħid li l-Ministru Abela - bħala wieħed mill-uniċi erba' mill-uffiċjali li ħadmu fl-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-HSBC - "kien ikun jaf kuljum l-ammonti ta' flus kontanti u l-ammonti li se jkunu deħlin fil-vault tal-HSBC." Huwa fakkar li fl-aħħar ta' Mejju l-aħwa Degiorgio kitbu lill-Kummissarju Ewropew Didier Reynders u reġgħu semmew lill-Ministru Abela b'rabta ma' din is-serqa, bil-Kummissarju jgħidilhom imorru għand il-Europol.  Azzopardi jgħid li huma hekk għamlu u talbu laqgħa biex jikxfu l-allegat involviment ta' Chris Cardona u Carmelo Abela f'din is-serqa. 

"Fid-dawl tal-gravità ta' dawn l-istqarrijiet, huwa fl-interess pubbliku li Muscat u l-aħwa Degiorgio jiddaħħlu bħala partijiet f'dan il-każ," temm jgħid Jason Azzopardi. 

L-aħwa Degiorgio qed ikunu akkużati li kienu parti mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, bil-Koħħu diġà jinstab ħati wara li ngħata Maħfra Presidenzjali biex jikxef dettalji dwar reati oħrajn.

L-avukat Joe Zammit Maempel qed jirrapreżenta lil Azzopardi u Pawlu Lia lil Abela. 

 

More in Politika