Il-Qorti tikkonferma li ma hemmx bżonn friża tal-assi kontra żewġ persuni fit-tmexxija tal-Allied

Tisħaq li din il-friża ma hemmx bżonnha għax il-flus in kwistjoni mhumiex f'idejn iż-żewġ uffiċjali tal-kumpanija

Imħallef ma laqax it-talba tal-Avukat Ġenerali kontra deċiżjoni ta' Maġistrat li ma jimponix ordni ta' friża tal-assi fuq żewġ uffiċjali għolja tal-Allied Newspapers, akkużati bi frodi u ħasil tal-flus u qal illi din il-friża ma hemmx bżonnha minħabba li l-flus ma jinsabux fil-pussess tagħhom. 

Id-Direttur Maniġerjali Michel Rizzo u l-kontrollur finanzjarju Claude Licari kienu akkużati b'ħasil ta' flus u frodi, wara investigazzjoni tal-pulizija li rat ukoll lil Keith Schembri, Adrian Hillman u l-eks Direttur tal-Allied Vince Buhagiar jiġu arrestati u akkużati b'reati simili. Iktar tard iżda Rizzo inħeles minn kull akkuża. 

Il-Maġistrat kien ta l-ħelsien mill-arrest lil Rizzo u Licari imma ma ffriżalhomx l-assi filwaqt li l-assi tal-Porgress Press inżammu taħt friża. 

L-Avukat Ġenerali kien argumenta li l-iffriżar tal-assi jsir fl-interess pubbliku, billi wkoll iċaħħad lill-akkużati milli jgawdu l-flus li qalgħu mill-kriminalità. Sadanittant iżda isem Rizzo ken meħlus mill-akkużi u allura l-Avukat Ġenerali ma baqax jitlob għal din il-friża fuq l-assi tiegħu. 

Minn naħa l-oħra l-Qorti kienet sabet biżżejjed provi biex tmexxi kontra Licari. 

 

More in Politika