Residenti ta' Wied il-Għajn jisħqu li qed isiru laqgħat sigrieti minn wara daharhom u li qed jiġu injorati

Waqt protesta organizzata mill-Moviment Graffitti, ir-residenti ħeġġew lill-MTA biex twaqqaf dak li qed jissejjaħ bħala “design contest” bil-għan li Wied il-Għajn isir aktar attraenti għat-turisti

Kunsilliera, residenti ta’ Wied il-Għajn u anke l-Moviment Graffitti, talbu lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex iwaqqfu dak li qed tissejjaħ bħala “design contest” bil-għan li Wied il-Għajn isir aktar attraenti għal dawk li jżuruh. Insistew li qed isiru laqgħat sigrieti u hemm motivi ulterjuri bejn l-iżviluppaturi u Infrastructure Malta.

Riċentament, periti, enġiniera u anke żviluppaturi kienu mistiedna jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni biex jipproponu kif Wied il-Għajn jista’ jsir aktar attreanti għat-turisti. 

Dan xejn ma niżel tajjeb mar-residenti, partikolarment fid-dawl tal-fatt li dawn diġà ġew milquta minn diversi proġetti kbar kostruzzjoni.

Andre Callus, mill-Moviment Graffitti, ħeġġeġ lill-MTA biex immedjatament iwaqqfu din il-kompetizzjoni għax fi kliemu din hija biss “cover-up” ta’ pjanijiet li diġà saru minn wara dahar ir-residenti.

Ir-resident u l-kunsillier John Baptist Camilleri, li indirizza wkoll il-konferenza, semma proposta għall-pitch tal-waterpolo, li fi kliemu se jkun it-tielet wieħed f’Wied il-Għajn u li ġie approvat minn wara dahar ir-residenti.

Staqsa wkoll għaliex kellu jitwaqqaf sottokumitat għar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona mingħajr l-ebda termini ta’ referenza. Fil-fatt, tul il-konferenza ntqal li madwar sena ilu, is-sindku ħabbar sottokumitat għar-riġenerazzjoni ta’ Wied il-Għajn. Il-membri ta’ dan is-sotto-kumitat intgħażlu mis-sindku nnifsu u kienu ilhom jiltaqgħu u jaħdmu fuq proposti varji għal Wied il-Għajn sentejn sħaħ “minn wara dahar il-poplu.” 

Tul il-konferenza, ntqal kif il-membri ta’ dan is-sottokumitat kienu s-Sur Ray Abela, il-kuġin tiegħu, Eric Abela, "b’interessi kummerċjali fil-pjazza ta’ Wied il-Għajn," Joseph Farrell, "ukoll b’interessi kummerċjali fil-pjazza ta’ Wied il-Għajn," Angele Abela, kap tas-segretarjat ta’ Ministru, u s-sindku nniffsu.

Allega li hemm “manuvri” bejn dan is-sottokumitat u Infrastructure Malta biex ikun hemm bidliet sostanzjali fi Pjazza Sant’Anna, fost oħrajn. 

Saħaq li l-Kunsill Lokali qed ikun infurmat biss wara li dawn il-proġetti jkunu ġew iffinalizzati. Insista li s-sottokumitat mhux qed jilqa’ s-suġġerimenti tal-esperti u qed jirrifjuta li jiltaqa’ magħhom.

Camilleri għamel ukoll referenza għall-proġett kontroversjali tal-Jerma Palace u anke taż-Żonqor Point u ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jibżgħu għal Wied il-Għajn u ma jarmuhx.

Tkellmu wkoll numru ta’ residenti. Insistew li huma jaqblu mar-riġenerazzjoni tal-lokalità li fiha jgħixu, iżda saħqu li r-residenti qed ikunu injorati.

Insistew li l-iżvilupp qed ikun immirat għat-turisti u mhux għar-residenti u dan qed iwassal għall-qerda tal-identità ta’ Wied il-Għajn. 

“Wied il-Għajn ma għandu bżonn l-ebda żvilupp. Ir-residenti u t-turisti jriduh kif inhu,” saħqet Theresa Hogan waqt li insistiet li r-residenti qed jibżgħu li jiġri l-istess li ġara lil Tas-Sliema. 

Residenti oħrajn ilmentaw fuq il-parkeġġ u kif l-ispazji pubbliċi qed jispiċċaw meqruda, mingħajr l-ebda attenzjoni mogħtija għall-anzjani u persuni b’diżabilità.

Is-Soċjologu Godfrey Baldacchino, li wkoll indirizza l-konferenza, fakkar li l-Prim Ministru huwa residenti ta’ Wied il-Għajn, iżda saħaq li dan xorta waħda wassalx biex il-lokalità tkun protetta.

Insista li ftit ftit, il-kwalità tal-ħajja tar-residenti qed titnaqqar.

“Miż-Żonqor sal-Jerma hemm pjanijiet biex ftit jistagħnew il-ftit minn fuq il-ħafna,” temmew jisħqu l-attivisti fil-konferenza.

More in Politika