Drone jista' jibda jwassal merkanzija medika urġenti bejn Malta u Għawdex

F'każ ta'  vjaġġ urġenti bejn l-isptar ta’ Malta u l-isptar ta’ Għawdex, dan id-drone jagħmel il-vjaġġ f’bejn 20 u 30 minuta

Illum ingħata bidu għall-ewwel titjiriet ta' delivery drone, hekk kif saru l-ewwel testijiet permezz ta' vjaġġ bejn Malta u Kemmuna. Dan id-drone jista' jintuża, fost oħrajn, biex iwassal provvisti ta’ mediċina jew first aid f’emerġenza.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li dan jista' jintuża wkoll għat-trasport ta’ dokumenti u merkanzija medika urġenti.

"Drone bħal dan jista’ jsalva l-ħajjiet, u għalhekk wieħed mill-vantaġġi hu l-iffrankar tal-ħin," insista l-Ministru.

Dawn it-tip ta’ drones se jkunu jistgħu jivvjaġġaw sa massimu ta’ veloċità li tlaħħaq it-80 kilometru fis-siegħa u tul massimu ta’ 80 kilometru.

Dan ifisser li dan id-drone jagħmel madwar kilometru kull minuta. Huwa mifhum illi f’każ ta’ vjaġġ urġenti bejn l-isptar ta’ Malta u l-isptar ta’ Għawdex, dan id-drone jagħmel il-vjaġġ f’bejn 20 u 30 minuta. Dan it-tip ta’ drone jiżen ftit inqas minn 25 kilo u kapaċi jġorr 10 kilos ta’ merkanzija u provvisti.

“Dan tal-lum ikompli juri kemm dan il-gvern hu wieħed progressiv. Qed naraw li pajjiżna jibqa’ aġġornat mal-kumplament tad-dinja kollha f’dik li hi teknoloġija sabiex ingawdu minn servizzi aktar effiċjenti u li jieħdu inqas ħin. Bħal ma riċentament ħabbarna, qegħdin nimplimentaw l-użu ta’ teknoloġija f’oqsma u setturi oħra bħalma hu t-trasport tal-art bl-eżempju tal-autonomous buses, il-mixja għall-eletrifikazzjoni tal-karozzi u issa wkoll l-użu tat-teknoloġija fis-settur tal-avjazzjoni, saħaq il-Ministru."Dan il-proġett u oħrajn ikomplu juru li Malta hija miftuħa għal ideat ġodda."

Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi Transport Malta, il-Kaptan Charles Pace, spjega kif fil-vjaġġ ta' prova li sar illum, pie ttrasportat demm minn post għall-ieħor, eżerċizzju li jsir ħafna barra minn Malta.

"Nieħdu pjaċir naraw lis-settur privat jaħdem magħna u jilqa’ l-isfidi magħna sabiex noħorġu bi proġetti innovattivi bħal tal-lum. Irrid ukoll infakkar li għaddejna leġislazzjoni ġdida bħala ‘Registration Act’, li ukoll daħħalna l-kunċett ta’ reġistru ta’ ajruplani bla bdott u wkoll tibdiliet fl-‘Air Navigation Act’, li se jagħti possibilitajiet ġodda u se jistabbilixxi parametri ġodda għal operat tal-unmanned aircrafts," saħaq il-Kaptan.

Dan il-proġett kien maħdum fuq medda ta’ sena, fejn saru bosta studji intensivi. HandsOn Systems flimkien ma’ QuAero u Phoenix Wings ingħaqdu biex jaħdmu fuq dak li se jkun l-ewwel delivery drone tad-ditta Skymax f’Malta.

F’kordinazzjoni mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta, Skymax approvat li UAV (Unmanned Aerial Vehicle) jista’ jintuża b’mod sigur biex jittrasporta merkanzija varja bejn il-gżejjer Maltin bl-iktar mod effiċjenti.

More in Politika