Repubblika tipproponi terminu fiss għal leġislatura u projbizzjoni ta' ħatriet pubbliċi fis-sena tal-elezzjoni

Repubblika ppreżentat dokument ta’ 22 paġna biex fi kliemha, tiġġieled il-korruzzjoni fl-elezzjonijiet

L-organizzazzjoni Repubblika ħarġet sett ta’ proposti biex fi kliemha tiġġieled il-korruzzjoni fl-elezzjonijiet. Fost oħrajn, qed tipproponi terminu fiss għall-Parlament u anke biex ikunu pprojbiti ħatriet mhux essenzjali f’entitajiet pubbliċi.

Repubblika ppreżentat id-dokument ta’ 22 paġna, waqt konferenza li saret dalgħodu u saħqet li l-proposti huma spirati mil-linji gwida tal-Kummissjoni Venezja.

Il-President tal-organizzazzjoni, Robert Aquilina, saħaq li filwaqt li l-korruzzjoni, fil-forma ta’ flus jew oġġetti oħra lill-votanti, hija pprojbita mil-liġi u tista’ tfisser multi u saħansitra ħabs, qatt ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex tkun irregolata l-imġieba tal-politiċi.

“Aħna lkoll nafu li dawn il-prattiċi huma komuni ħafna f’pajjiżna u huma l-qofol ta’ ħafna mill-konverżazzjonijiet li l-kandidati politiċi jkollhom mal-kostitwenti tagħhom fl-uffiċji distrettwali jew waqt żjarat fid-djar. Dawn il-konverżazzjonijiet ħafna drabi jkunu stimulati minn talbiet espliċiti tal-votanti għal “favuri” jew “irranġar” għal impjiegi mas-settur pubbliku, kuntratti, permessi jew liċenzji,” insista Aquilina.

Repubblika qed tipproponi wkoll li jkun hemm aktar sorveljanza fuq l-elezzjonijiet, fosthom mill-Kummissjoni Elettorali u anke mill-Korp tal-Pulizija u li jkun hemm aktar riżorsi disponibbli għall-midja indipendenti u s-soċjetà ċivili biex jimmoniterjaw aħjar il-kampanji elettorali.

Tisħaq ukoll li għandu jkun hemm aktar “osservaturi esterni,” li mhux affiljati ma’ partiti politiċi.

Dwar il-Kummissjoni Elettorali, Repubblika qed tipproponi li din għandha tkun iffurmata b’tali mod li tkun indipendenti mill-partiti politiċi u għalhekk tkun kompletament newtrali.

“Infakkru wkoll fil-proposta tagħna għal Parlamenti b’terminu fiss biex jitneħħa komponent sinifikanti tas-setgħa inġusta tal-kariga li għandu l-mexxej tal-partit fil-Gvern li jiddetermina d-data tal-elezzjoni ġenerali, bil-vantaġġ strateġiku konsegwenzjali fuq il-partiti rivali li m’għandhom l-ebda rwol fid-deċiżjoni,” ikompli d-dokument.

“Hemm evidenza statistika li turi li r-rata tal-ħruġ tal-permessi għall-iżvilupp lejlet elezzjoni tkun ferm ogħla milli tkun fi żminijiet oħra. Dan ma jfissirx bilfors li kull permess maħruġ hu illegali. Iżda jidher ċar li minħabba l-volum qawwi ta’ applikazzjonijiet li jkunu qed jiġu pproċessati, hemm riskju akbar ta’ nuqqasijiet fil-verifiki u l-kontrolli meħtieġa. U l-għaġla fl-ipproċessar issir minnha nnifisha riżorsa tal-Istat li mbagħad tiġi abbużata mill-partit fil- gvern jew il-kandidat fil-kariga biex jiżguraw irranġar veloċi lill-kostitwenti tagħhom ħalli jippruvaw jiksbu appoġġ għall-konferma tagħhom,” saħqet Repubblika u għalhekk qed tipproponi li dan isir illegali.

Tipproponi wkoll aktar monitoraġġ fuq l-użu ta’ fondi pubbliċi, partikolarment biex ministri jsaħħu l-ħidma, l-immaġini u l-preżenza tagħhom fid-distretti.

Tista' tara hawn il-proposti kollha:

Downloadable Files

More in Politika