Tħawwil ta' siġar u arbuxelli se jagħtu dehra ġdida lid-daħla ta' Ħaż-Żebbuġ

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li dan huwa wieħed mill-ħafna proġetti taħt l-inizjattiva ‘Inħaddru Pajjiżna'

Il-Ministru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ħabbar proġett, li qed jiġi implimentat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, li se jara t-tħawwil ta' diversi siġar u anke arbuxelli fi Vjal il-Ħelsien, id-daħla ta' Ħaż-Żebbuġ.

Il-Ministru saħaq li dan huwa wieħed mill-ħafna proġetti taħt l-inizjattiva ‘Inħaddru Pajjiżna.'

“L-infrastruttura urbana tagħna teħtieġ li tirrifletti l-ħtiġijiet u l-isfidi tal-ġurnata. Għandna bżonn mhux biss nipprovdu spazji ħodor għall-familji, imma jeħtieġ li nrawmu ippjanar aktar ekoloġiku u aktar sostenibbli. Il-komunitajiet tagħna jeħtieġu li jkunu aktar abitabbli, iżda jeħtieġu wkoll li jikkontribwixxu fil-ġlieda tagħna kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti negattivi tal-urbanizzazzjoni,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru nnota li bħalissa m’hemm l-ebda siġra f’din it-triq partikolari, u li dan l-investiment ta’ €200,000 se jipprovdi 50 siġra tal-Ballut, 4 Siġar tal-Jacaranda, u 108 arbuxelli tar-riħan.

Apparti minn hekk se jsiru xogħlijiet ta’ skavar għall-konok ta’ diversi qsari tul Vjal il-Helsien u l-installazzjoni ta’ street furniture. 

Filwaqt li ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex jikkunsidraw aktar proġetti ħodor, il-Ministru Farrugia qal li interventi bħal dawn fil-qalba tal-komunitajiet tagħna jġibu diversi benefiċċji għall-benesseri tar-residenti, u li għandhom valur estetiku u ambjentali.

Insista li proġetti ta’ tħaddir jgħinu lill-komunitajiet biex titnaqqas it-temperatura tal-madwar, minħabba li s-siġar ikessħu ż-żona ta’ madwarhom permezz tal-evaporazzjoni tal-umdità li tevapora minnhom. 

“Dawn il-proġetti qed jiġu implimentati primarjament biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. L-infrastruttura ekoloġika b’mod ġenerali ġġibna eqreb lejn l-ambjent naturali u trawwem sens ta’ identità u benesseri fil-komunità filwaqt li ġġib ukoll benefiċċji ambjentali u ekonomiċi għall-komunità. Il-Gvern qed jaħdem kontinwament biex jimxi lejn infrastruttura aktar ekoloġika u jimplimenta inizjattivi ekoloġiċi,” tenna l-Ministru Farrugia.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar diversi proġetti ta’ tħaddir fl-urban li bħalissa għaddejjin f’lokalitajiet differenti, permezz ta’ skemi minn Ambjent Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa semma l-popolarità dejjem tiżdied tal-ġonna vertikali u green roofs u l-impatti pożittivi li tali infrastruttura ġġib għall-estetika ta’ pajjiżna, kif ukoll il-benefiċċji ambjentali u għas-saħħa tagħna.

“Ħa nerġgħu nagħmlu Vjal il-Ħelsien, id-daħla ta’ Ħaż-Żebbuġ, vjal kif verament jixirqilha. Permezz ta’ din l-inizjattiva sejrin inħawlu siġar ġodda f’din it-triq kif ukoll se nagħmlu xogħolijiet oħrajn ta’ tisbiħ. Dan kollu mingħajr ma nnaqqsu parkeġġi. Dan għaliex qegħdin nagħmlu kollox bi pjan,” temm jisħaq is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Malcolm Paul Galea. 

More in Politika