Emirates tħabbar li se terġa tibda topera minn Malta via Larnaca wara waqfa ta' xhur

Il-kumpanija se tibda tliet titjiriet kull ġimgħa mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta 

Membri tal-ekwipaġġ tal-Emirates Airlines
Membri tal-ekwipaġġ tal-Emirates Airlines

Il-linja tal-ajru Emirates ħabbret illi se terġa tibda ttir lejn Malta via Larnaca, f'Ċipru - l-istess rotta li kienet ittir qabel il-pandemija sfurzat diversi linji tal-arju jnaqqsu l-vjaġġi u diversi rotot. Din l-aħbar tiġi wara li għal diversi xhur ma kienx jidher li l-Emirates se terġa tibda topera lejn Malta. 

Dan ifisser li mit-tliet linji tal-ajru li kienu marbutin ma' tlieta mill-aktar hubs kbar fid-dinja issa reġgħu bdew joperaw mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, jiġifieri t-Turkish Airlines (Istanbul) u l-Emirates (Dubai). 

It-titjiriet se jkunu qed jibdew nhar l-14 ta' Lulju li ġej biex b'hekk il-kumpanija tkompli tespandi in-network tagħha lejn 34 destinazzjoni fl-Ewropa.

L-Emirates se tkun qed ittir minn Malta tliet darbiet fil-ġimgħa. 

Malta kienet tilfet xejn inqas minn 50 rotta tal-ajru - hekk importanti għall-industrija turistika - minħabba il-pandemija. Fi stqarrija, il-Bank Ċentrali spjega kif fl-2005 Malta kellha 84 konnessjoni diretta bl‑ajru, ammont li tela’ għal 125 fl-2019. Fil-fatt, fl-2005, Malta kellha titjiriet diretti lejn 27 pajjiż u 40 fl‑2019. Madankollu, il‑pandemija tal‑COVID‑19 ħalliet impatt sostanzjali hekk kif fl‑2020 intilfu aktar minn 50 konnessjoni bl‑ajru. 70 biss baqgħu attivi. 

Il-linji tal-ajru li se jkunu qed joperaw minn u lejn Malta huma: 

• Air Malta: Il-linja nazzjonali tal-ajru. Bħalissa qed topera lejn dawn id-destinazzjonijiet: Amsterdam, Brussell, Katanja, Frankfurt, Londra, Lyon, Milan, Pariġi, Ruma u Zurich.

• Ryanair: Kumpanija tal-ajru low-cost li żgur ma għandha bżonn l-ebda introduzzjoni mal-Maltin. Topera diversi titjiriet minn u lejn Malta u saħansitra waqqfet il-kumpanija sussidjarja Malta Air. 

• Flydubai: Din se tkun qed tibda titjiriet lejn Malta erba’ darbiet fil-ġimgħa mit-12 ta’ Mejju li ġej, b’titjira li tinkludi wkoll Katanja fi Sqallija. It-titjiriet lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-ajruport ta’ Katanja, se jibdew fit-12 ta’ Mejju, erba’ darbiet fil-ġimgħa. Il-kumpanija Fly Dubai hija sussidjarja tal-Emirates li fis-sajf tas-sena li għaddiet waqqfet it-titjiriet tagħha lejn Malta. Emirates kienet topera titjira kuljum minn Dubaj lejn Malta, b’waqfa f’Ċipru.

Il-linji tal-ajru l-oħrajn li se jkunu qed joperaw mill-ajruport Malti - hekk kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM huma: 

• Swiss International Air Lines: Hija l-akbar linja tal-ajru fl-Iżvizzera. Tipprovdi titjiriet diretti minn Zurick u Geneva u żżomm il-pajjiż magħqud mal-bqija tal-Ewropa u d-dinja. Hija parti minn Lufthansa Group.

• Aegean Airlines: Hija l-akbar linja tal-ajru Griega li twaqqfet fl-1999. Toffri aċċessibbilità għal diversi żoni turistiċi importanti fil-Greċja u anke għall-gżejjer Griegi, inkluż dawk l-aktar remoti. Fis-sena 2019 ġarret aktar minn 14-il miljun passiġġier.

• British Airways: Hija l-linja tal-ajru tar-Renju Unit, bil-kwartieri tagħha bbażati f’Londra u l-hub primarju tagħha f’Heathrow. Hija t-tieni l-akbar linja tal-ajru fir-Renju Unit wara l-easyJet. Twaqqfet fl-1974.

• easyJet:  Hija linja tal-ajru low-cost ukoll popolari mal-Maltin. Hija s-seba’ l-akbar linja tal-ajru fid-dinja. Għandha 342 ajruplan. Fl-2019 qdiet 48 miljun passiġġier, minn 35 pajjiż u 154 ajruport. 

• Vueling Airlines: Hija linja tal-ajru low-cost Spanjola bil-bażi ewlenija tagħha tkun fl-Ajruport El Prat ta’ Barċellona. Għandha wkoll bażi fl-ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma. Hija l-akbar linja tal-ajru Spanjola, kemm fejn tidħol il-flotta u anke għad-destinazzjonijiet li toffri. 

• Iberia Express: Hija linja tal-ajru low-cost Spanjola bil-kwartieri tagħha jinsabu f’Madrid. B’kollox għandha flotta ta’ 23 ajruplan u topera lejn 40 destinazzjoni. Twaqqfet fl-2012.

• Jet2: Hija linja tal-ajru low-cost Ingliża. Ittir minn għaxar ajruporti fir-Renju Unit lejn 60 destinazzjoni fl-Ewropa u lilhinn. Twaqqfet fl-2003 u llum hija t-tielet l-akbar linja tal-ajru fir-Renju Unit.

• Lufthansa: Hija l-akbar linja tal-ajru Ġermaniża, li meta wieħed jgħaqqad magħha l-kumpaniji sussidjarji, hija t-tieni l-akbar linja tal-ajru fl-Ewropa f’termini ta’ passiġġieri li ġġorr. 

• LOT Polish Airlines: Twaqqfet fid-29 ta’ Diċembru 1928 u hija waħda mill-aktar linji tal-ajru antiki u li għadha topera. Fl-2019, din il-linja tal-ajru ġarret aktar minn 10 miljun passiġġier. Preżentament ittir minn u lejn 100 ajruport u topera medja ta’ 350 titjira kuljum. 

• Wizz Air: Hija linja tal-ajru low-cost Ungeriża li twaqqfet fl-2003 u ttir lejn diversi bliet fl-Ewropa u anke destinazzjonijiet oħra fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani. Fil-fatt bħalissa ssir lejn 44 pajjiż jew 164 ajruport. 

• SkyUp Airlines: Hija linja tal-ajru low-cost Ukrena li bdiet topera fl-2018.

• Air France: Twaqqfet fl-1933. Fl-2019 ġarret aktar minn 100 miljun passiġġier u għandha 302 ajruplani. Sal-2019, il-linja tal-ajru kienet ittir lejn 308 destinazzjon u 116-il pajjiż.

• Turkish Airlines: Il-linja tal-ajru ewlenija tat-Turkija. Sal-2019 kienet ittir lejn 315-il destinazzjoni u 126 pajjiż. Dan jagħmilha waħda mill-akbar linji tal-ajru fid-dinja. Fl-Ewropa biss ittir lejn 43 pajjiż, 116-il Belt u 118-il ajruport.

• Volotea: Din hija linja tal-ajru low-cost Spanjola li twaqqfet fl-2011. Il-linja tal-ajru topera 354 rotta, lejn 96 belt fi 15-il pajjiż. Il-linja tal-ajru qed tippjana li topera bejn 35 u 39 ajruplan fis-sajf ta’ din is-sena. Fl-2019 kienet qed topera 36 ajruplan.

Czech Airlines: Din il-linja tal-ajru hija ewlenija fiċ-Ċekja. Għalkemm bħalissa għaddejja minn problemi finanzjarji kbar li  ggravaw minħabba l-pandemija, il-linja tal-ajru bħalissa qed isservi  22 destinazzjoni. Din il-linja tal-ajru hija l-ħames l-aktar antika fid-dinja.  

 

More in Politika