Il-Gvern iħabbar it-tieni interconnector li se jgħaqqad lil Malta ma' Ragusa

Dan l-interconnector ta' 200 MW se jkun lest fl-2025...

Malta se jkollha interconnector ieħor
Malta se jkollha interconnector ieħor

Malta se jkollha interconnector ieħor li se jgħaqqad lil pajjiżna ma' Ragusa, bil-Kabinett japprova dan il-cable ta' 200 MW.  Ħabbret dan il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli li spjegat ukoll kif dan l-interconnector se jkun qed jopera b'mod parallel ma' dak eżistenti li jgħaqqad il-Magħtab mal-istazzjon f'Ragusa. Hija qalet ukoll li saru studji biex ikunu evalwati l-possibilitajiet li l-interconnector jaqbad mal-Greċja, Calabria fl-Italja jew inkella mat-Tuneżija, iżda kien determinat li l-ispejjeż ikunu ogħla u kien ikun hemm ħafna iktar riskji.

Il-Ministru Dalli qalet illi studju li sar mill-kumpanija France Electric turi illi l-aktar għażla vijabbli biex il-pajjiż jibqa' jlaħħaq mat-tkabbir ekonomiku u allura tkabbir fid-domanda elettrika, huwa b'interconnector ieħor ta' 200 MW.  

Il-proġett se jiswa' b'kollox €170 miljun u se jgħin biex jinqatgħu l-emmissjonijiet b'58%.  Il-proġett mistenni jkun lest fl-2025. 

Waqt l-erba' snin ta' qabel il-pandemija d-domanda għall-elettriku żdiedet bi 18% u Malta qed tistenna li din id-domanda tkompli tikber. 

Intant f'reazzjoni l-Partit Nazzjonalista laqa' l-aħbar u fakkar li din kienet proposta li hu għamel iktar kmieni din is-sena. Qal ukoll iżda li mill-mument li nxtegħlet l-Electrogas, "l-interconnector preżenti tnaqqas l-użu tiegħu minn madwar 87% ghal 25%."

Il-Kelliema tal-PN għal-Ilma u l-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus saħaq illi dan ma jawgurax tajjeb għat-tieni interconnector, "li minkejja li joffri l-irħas rati ta’ elettriku, qed ikun limitat minħabba l-kuntratt mal-Electrogas li nixtru bilfors 70% tal-enerġija bl-għoli u li Gvern Laburista rabatna għal 18-il sena."

 

More in Politika