Jitneħħew 320 tunnellata ta' skart u minflok jitħawlu madwar 200 siġra fl-Inwadar

L-ispeċi ta’ siġar li tħawlu huma ħamsa: tal-alaternu, ħarrub, ballut, żnuber u deru

Jitħawlu numru ta' siġar - Preżenti l-Ministru Miriam Dalli
Jitħawlu numru ta' siġar - Preżenti l-Ministru Miriam Dalli

Madwar 200 siġra u arbuxell qed jitħawlu fil-Park tal-Inwadar fin-Nofsinhar ta’ Malta, ħabbret il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli waqt attività ta’ arti fil-park f’Jum l-Ambjent. Dawn is-siġar tħawlu f'żona illi kienet ikkaraterizzata minn skart, l-aktar ta' kostruzzjoni. Fil-fatt tneħħew b'kollox madwar 320 tunnellata ta' skart ta' kostruzzjoni qabel sar dan it-tħawwil. 

Il-200 siġra se jkunu qed jiżdiedu għal aktar minn 1,000 siġra grazzi għall-ħidma li se tkun qed timplementa Parks Malta fix-xhur li ġejjin.

L-ispeċi ta’ siġar li tħawlu huma ħamsa: tal-alaternu (Rhamnus alaternus), ħarrub (Ceratonia siliqua), ballut (Quercus ilex), żnuber (Pinus halepensis) u deru (Pistacia lentiscus).

“Dawn huma siġar adattati għal dan it-tip ta’ abitat Mediterranju, li huwa l-uniku sit fl-Inwadar li għandu bosk,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli. 

Kif illum tingħalaq il-Kampanja  għas-Servizz Pubbliku 2021, żewġ studenti – Krista u Yanika, qed jagħmlu job shadowing fejn attendew għall-attività ta’ arti fil-park. Flimkien mal-Ministru Miriam Dalli, dawn iż-żewġ studenti ħawlu siġra bħala kommemorazzjoni f’Jum l-Ambjent.

It-tħawwil ta’ mijiet ta’ siġar, arbuxelli u pjanti indiġeni ta’ speċijiet oħrajn se jkompli lejn tmiem din is-sena. Fl-istess waqt, Parks Malta se jkomplu bit-tindif u bit-tneħħija f’parti oħra tal-masġar, kif ukoll ir-restawr ta’ bir qanpiena tradizzjonali Malti li nstab mirdum taħt it-terrapien. Il-masġar huwa diġà mgħasses b’sistemi ta’ CCTV. 

More in Politika