Storja miktuba bid-demm: Il-qawmien tal-Hamas u dak li jridu l-Lhud hekk kif l-istatus quo jitheżżeż
F'din it-tieni parti ta' dan l-artiklu l-gazzetta ILLUM tkompli tanaliżża l-kunflitt Iżrael-Palestina, b'ħarsa lejn il-qawmien tal-Hamas u titkellem mal-Professur Universitarju James Sater ...
minn Albert Gauci Cunningham
Nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta tat ħarsa lejn l-istorja mdemmija tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina bi snin fuq snin ta' ġlied, irvellijiet u snin ddominati minn nies bħal Yasser Arafat fuq il-naħa tal-Palestinjani, f'isem l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni Palestinjana (PLO) - illum magħruf bħala Fatah - u Yitzhak Rabin fuq in-naħa l-oħra li kien ġie assasint f'Tel Aviv.
Illum din il-gazzetta se tagħti ħarsa lejn il-Hamas - ħafna drabi r-raġuni li l-Iżrael jġib għall-ibumbardjar tal-istrixxa ta' Gaza li l-istess Hamas ilha tikkontrolla mill-2007.
Imma apparti minn hekk il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' James Sater, Kap tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-Università ta' Malta u li jispeċjalizza wkoll fil-politika tal-Lvant Nofsani.
Imma qabel, ejja nagħtu ħarsa qasira lejn ir-realtà tal-Hamas.
Saret elezzjoni u telgħu dawk li l-punent jara bħala 'Ġiħadisti u terroristi'
Il-Grupp tal-Hamas ġie wara snin illi matulhom il-PLO kienet tiddomina il-politika Palestinjana u li kienet ukoll mexxiet in-negozjati li wasslu għal-ftehim storiku ta' Oslo fl-1993 li dħalna ftit fid-dettalji tiegħu l-Ħadd li għadda.
Fih Arafat kien għamel dikjarazzjoni illi hu jirrikonoxxi d-dritt tal-Iżrael li jkun stat għalih. Din hija xi ħaġa li l-Hamas assolutament ma taċċettax u li diversi ċittadini tad-dinja Għarbija għadhom jirreżistu wkoll minkejja li xi pajjiżi Għarab innewtralizzaw id-diskors tagħhom lejn l-Iżrael.
Il-Hamas twaqqaf bħala forza politika u għandu l-oriġini tiegħu fil-Fratellanza Musulmana fl-Eġittu. Twaqqaf fl-1987 u fl-2006 rnexxielu jirbaħ elezzjoni li rat lil PLO (Fatah) jitlef Gaza, xi ħaġa li ma niżlet assolutament xejn tajjeb ma' diversi forzi tal-punent.
Fil-fatt tajjeb wieħed ifakkar illi l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, il-Ġappun u l-Kanada ddikjaraw lil Hamas bħala terroristi.
Għalhekk id-dinja tal-punent qalet lil Hamas li dan għandu jaċċetta li jiddiżarma u jiddimilitarizza lilu nnifsu kif ukoll li jaċċetta lill-Iżrael bħala Stat, xi ħaġa li Hamas irrifjutaw u li ddeskrivew bħala talba inġusta. L-appoġġ lejn il-Palestinjani ġie minn diversi bnadi, fosthom mill-Prinċep tas-Sawdi Għarabja Saud al-Faisal li rrimarka illi l-ewwel l-UE u l-Istati Uniti riedu elezzjoni fil-Palestina u għax ir-riżultat ma ġiex kif xtaqu, iddeċidew li jagħmlu diversi kundizzjonijiet. Diversi pajjiżi, waqqfu l-għajnuna finanzjarja lill-Palestinjani, biex l-istrixxa ta' Gaza bil-mod, il-mod saret l-aktar art politikament iżolata fir-reġjun.
Wara xhur ta' ġlied u ftehim għal Gvern ta' Għaqda li kellu ħajja qasira, il-Hamas ħatfu l-kontroll ta' Gaza u minn hemm bdiet gwerra ta' tfigħ ta' missili u bombi minn u lejn kull naħa.
Il-Hamas baqa' jinsisti dejjem li l-Iżrael m'għandux dritt jeżisti bħala stat, punt ta' prinċipju li qatt ma telqu minnu u li wassal għal tensjoni kontinwa bejn l-Iżrael u l-Istrixxa ta' Gaza. Fl-2011 sar ftehim ta' rikonċiljazzjoni bejn iż-żewġ naħat politiċi tal-Palestinjani li wkoll kienu mifrudin, il-Hamas f'Gaza u l-Fatah fix-Xatt tal-Punent - bejn Mahmoud Abbas u Khaled Meshaal.
Il-Hamas hija organizzazzjoni Iżlamista u li tgħid ċar illi l-Iżrael tibqa' teżisti sakemm id-dinja Musulmana teqridha u jgħidu f'Artiklu 11 fil-qafas tat-twemmin tagħhom illi l-Iżrael hija art Musulmana u li allura huwa xogħol kull Musulman li jara u jaħdem biex dan iseħħ. F'Artiklu 15 għalhekk jappellaw għal Jihad - jew gwerra qaddisa.
'Il-Fatah mhumiex eżattament id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li xi kultant jitpinġew li huma'
L-argument tal-punent huwa li kull attakk huwa kważi ġustifikat proprju minħabba l-Hamas u l-fatt li minkejja diversi appelli, anke minn stati Għarab, il-Hamas jibqa' jirrifjuta li jinħolqu żewġ stati separati għal Lhud u l-Palestinjani.
Il-Professur Sater ma jaħsibx li l-Hamas jista' jkun li qed jispara f'saqajn l-istess ġlieda ta' ħafna palestinjani għal-libertà, propju minħabba n-natura fundamentalista tiegħu?
Sater jgħid lil din il-gazzetta illi huwa minnu li ħafna mill-attakki li jsiru mill-Iżrael dejjem isiru fuq l-argument illi l-attakk huwa fuq il-Hamas mhux Gaza.
"Il-Hamas ilhom popolari mid-90ijiet għal diversi raġunijiet. Filwaqt li kien hemm il-proċess ta' Oslo, il-PLO kienu saru forza ta' awtoritarjaniżmu. Ma kinux il-protetturi tad-drittijiet tal-bniedem daqs kemm jiġu pinġuti, xi drabi," jibda jispjega Sater mal-ILLUM. Huwa jfakkar li l-Hamas tara illi l-proċess ta' paċi f'Oslo huwa fundamentalment żbaljat għaliex kienu l-Palestinjani biss li rrikonoxxew lill-Iżrael u mhux il-kontra.
Huwa jfakkar ukoll illi filwaqt li l-Iżrael kellha ħafna żoni residenzjani (settelments) fix-Xatt tal-Punent hija kienet saħansitra "għaddiet armi lill-PLO, liema armi intużaw kontra l-Palestinjani." Ifakkar ukoll li l-Hamas kienu ġew arrestati u mbagħad meħlusin fit-tieni intifada fil-bidu tas-sena 2000 (tajna ħarsa lejha fl-ewwel artiklu).
"Huma kienu meqjusin bħala forza popolari kontra l-awtoritajiet korrotti Palestinjani," qal Sater.
Minkejja dan huwa qal ukoll li 15-il sena ta' azzjonijiet tagħhom waslu biex "il-Palestinjani saru ħabsin f'Gaza." Huwa hawnhekk ifakkar li hemm żewġ argumenti dwar is-sitwazzjoni li fiha jinsabu n-nies f'Gaza: Min iwaħħal fil-Hamas għal nuqqas ta' rieda u min iwaħħal fis-sanzjonijiet tal-Iżrael kontra Gaza.
'Pożizzjonijiet iebsin mhux se jwasslu għal paċi u s-sigurtà'
Fid-dawl ta' dan kollu l-Professur Sater jgħid illi l-faqar fl-Istrixxa ta' Gaza huwa "estrem", il-qgħad huwa aktar minn 50% u ma hemmx opportunitajiet ta' xogħol, ħlief dawk marbutin ma' għajnuna umanitarja.
"F'Gaza, it-toroq, l-ajruport, l-iskejjel ... kollox huwa imkisser," qal Sater illi fakkar ukoll li f'din l-art mhux wisq differenti mid-daqs ta' Malta jgħixu żewġ miljun persuna u li minnha l-Palestinjani ma jistgħux jidħlu jew joħorġu.
Sostna illi minkejja l-inazzjoni tal-komunità internazzjoni s-saħħa kbira li kisbet l-Iżrael qed tonqos, hekk kif il-Palestinjani qed jingħataw rappreżentanza fl-Organizzazzjoni Dinijija tas-Saħħa kif ukoll fil-Ġnus Magħquda. Xi ħaġa li James Sater jgħid li seħħet "kontra x-xewqa tal-Iżrael."
"L-Iżrael issa trid tirreaġixxi għal dan. Jew tippreżenta l-missjoni tagħha kontra Gaza b'mod differenti, jew inkella tibda diskussjoni vera u profonda fuq is-soluzzjoni ta' żewġ stati. Imma biex dan iseħħ irid ikun hemm imsieħba kredibbli," jisħaq. Huwa jgħid li l-Iżrael mhuwiex kredibbli għaliex jgħid li kien forna lil Fatah bl-armi biex dan jegħleb lil Hamas.
Sater qal li issa anke ħafna Lhud u partiti politiċi Lhud qed jintebħu li l-mod kif il-Gvern qed jitratta dan il-kunflitt u l-mod kif qed jiffoka fuq Gaza "mhux qed jissodisfa l-bżonn tal-paċi." Jgħid ukoll li l-kunflitt huwa wisq qrib fejn jgħixu miljuni ta' Lhud, bħal f'Tel Aviv u anke Ġerusalemm.
"Pożizzjonijiet iebsin waħedhom mhumiex se jwasslu għal paċi u s-sigurtà li l-Lhud jixtiequ u qed jappellaw għalih."
'Ħadd ma jrid li dan il-kunflitt jitwal wisq aktar'
Imma fit-toroq u l-pjazez in-nies miż-żewġ naħat xi jridu? Iridu r-retorika tal-lemin? Iridu aktar tpattija? Hemm rieda għal rikonċiljazzjoni?
Il-Professur James Sater beda bil-Palestinjani: "Il-Palestinjani huma ċari dwar xi jridu. Li jistgħu jgħixu fl-istat tagħhom, b'elezzjonijiet mingħajr ebda forma ta' indħil mill-Iżrael. Apparti dan iridu wkoll li l-kapitali tagħhom tkun in-naħa tal-lvant ta' Ġerusalemm," li kif rajna fl-ewwel artiklu tibqa' waħda mill-għeruq tal-għawġ kollu li nqala' mas-snin.
Imbagħad idur fuq il-Lhud. "Il-Lhud huma aktar mifrudin. Settur żgħir u li ċkien mas-snin jemmnu f'soluzzjoni, bħal dak li ġie mifthiem f'Oslo."
Huwa jgħid illi dan is-settur tal-poplu Lhudi ċkien minħabba diversi raġunijiet fosthom l-attakki mill-Palestinjani.
Huwa qal li l-maġġoranza "jridu l-istatus quo. Mhux għax iridu li l-Gvern jattakka lil Gaza jew għax jaħsbu li t-tensjoni mal-Palestinjani hija xi ħaġa tajba, inkluż fi bliet fl-Iżrael stess fejn hemm kemm Lhud u anke persuni Għarab, imma għax tat l-istabilità. Dik l-istabilità issa qed tkun imminata."
Jgħid illi minkejja li hemm Lhud ortodossi (u allura ħafna aktar estremisti) li ma jridux jgħixu mal-Palestinjani hemm oħrajn li jridu ftehim, speċjament fid-dawl tal-fatt li apparti l-madwar żewġ miljun Palestinjan f'Gaza hemm maż-żewġ miljuni oħra fil-bqija tal-Iżrael li jinkludi x-Xatt tal-Punent, li huwa mmexxi mill-Palestinjani wkoll, u komunitajiet fi ftit bliet bħal Tel Aviv (F'Jaffa l-aktar - fejn l-Għarab qed jakkużaw lil-Lhud b'ġentrifikazzjoni biex jimbuttawhom 'l barra).
Huwa qal illi dak li seħħ f'Gaza u anke f'toroq fl-Iżrael huma "atroċitajiet" u jisħaq li l-gwerra hija assimetrika u "allura ħafna iktar Palestinjani tilfu ħajjithom, inkluż tfal, familji u ċittadini normali."
Huwa qal li dawn l-atroċitajiet huma prezz wisq għoli "għar-rieda tal-Iżrael li jissopravivi."
Il-Professur James Sater temm jgħid mal-ILLUM li fl-aħħar mill-aħħar iżda ħadd ma jrid li dan il-kunflitt, bl-atroċitajiiet u tbatijiet kollha li qed jikkawża, jibqa' għaddej għal wisq żmien aktar.