Il-Kummissjoni Venezja tgħid li emendi li qed iressaq il-Gvern ma jiksrux id-drittijiet tal-bniedem

Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis sostna illi jinsab sodisfatt ħafna bl-Opinjoni tal-Kummissjoni Venezja

Il-Kummissjoni Venezja tat l-appoġġ tagħha lil emenda Kostituzzjonali li għandha x'taqsam ma' multi minn awtoritajiet regolatorji. Dan wara li kien il-Gvern Malti stess - permezz tal-Ministru Edward Zammit Lewis - li talab opinjoni dwar dan. 

F'opinjoni mogħtija llum mill-Kunsill tal-Ewropa intqal illi r-riforma proposta mill-Gvern kienet tista' tiġi milħuqa l-aħjar permezz ta' emenda kostituzzjonali, minflok bdil fl-Att dwar l-Interpretazzjoni.  

Il-Kummissjoni Venezja kienet mitluba tagħti opinjoni f'Marzu wara li l-Gvern ppropona emenda Kostituzzjonali li sabet lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista kontra. 

Ir-riformi jitrattaw entitajiet bħall-Awtorità Maltija għall-Logħob, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU). 

Il-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis sostna illi jinsab sodisfatt ħafna bl-Opinjoni tal-Kummissjoni Venezja.

"Il-Kummissjoni fehmet ċar kemm kellu raġun li fl-ewwel lok il-Gvern immexxi permezz tal-Abbozz bin-numru 166. Il-Kummissjoni fehmet ukoll li dan l-Abbozz li jemenda lil-Kostituzzjoni ma jmurx kontra id-Drittijiet tal-bniedem, anzi iwassal biex l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni (Id-dritt għal smiegħ Xieraq) jiġi konformi mal-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem."

Huwa qal illi dan ifisser li jinħoloq bilanċ bejn Awtoritajiet pubbliċi effettivi u minn naħa l-oħra garanziji ċari u suffiċjenti ta’ smiegħ xieraq għaċ-ċittadin. "Issa nistenna li, wara din l-Opinjoni, l-Oppożizzjoni taġixxi b’responsabilità sabiex jitmexxa ‘l quddiem l-Abbozz 166.," tem jgġid Zammit Lewis. 

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien wissa lill-Gvern illi hu kien se jisfida din l-emenda jekk tgħaddi mill-Parlament permezz ta' bidla fl-Att dwar l-Interpetazzjoni, b'maġġoranza sempliċi minflok iż-żewġ terzi meħtieġa għal bidla fil-Kostituzzjoni.

More in Politika