81,100 persuna diġà niżżlu l-vawċers b'mod diġitali

Il-vawċers jistgħu jitniżżlu b'mod diġitali sal-4ta' Ġunju - mis-7 ta' Ġunju jibdew jitqassmu l-vawċers bil-posta

Il-Ministru Silvio Schembri jħabbar l-aħħar dettalji fir-rigward tal-vawċers
Il-Ministru Silvio Schembri jħabbar l-aħħar dettalji fir-rigward tal-vawċers

81,103 persuna f’Malta u Għawdex niżżlu b’mod diġitali l-vawċers tal-gvern ta’ €100. 72% għamlu dan permezz tad-dokument tal-e-ID u 28% permezz ta’ identifikazzjoni personali. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt li kien qed jagħti dettalji dwar l-andament ta’ din l-inizjattiva b’investiment ta’ €50 miljun sabiex tkun riġenerata l-ekonomija.

Fil-fatt 93% ta’ dawk li niżżlu l-vawċers tagħhom huma residenti Maltin filwaqt li 7% huma  Għawdxin. Kien spjegat kif 66% ta’ dawk li niżlu l-vawċers huma ċittadini Maltin filwaqt li 34% għandhom il-permess ta’ residenza validu. Ġie nnutat kif 53% ta’ dawk li niżżlu l-vawċers huma tal-ġeneru maskili u 47% huma tal-ġeneru femminili.

Waqt il-preżentazzjoni, l-Ministru Schembri ħabbar kif dawk l-anzjani  li huma residenti fid-djar tal-kura soċjali, kemm privati jew pubbliċi u li ma jkunux niżżlu l-vawċers online sal-4 ta’ Ġunju, ser ikunu qed jirċievu €100 f’kontribuzzjoni diretta sal-aħħar ta’ Ġunju. L-anzjani ser ikunu jistgħu jirċievu l-ammont permezz ta’ tranżazzjoni diretta onlajn fil-kont tal-bank tagħhom jew permezz ta’ cheque tal-gvern li jirċevuh fid-Djar tal-Kura Soċjali bl-istess mod li jirċievu l-pensjoni. Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva.

Filwaqt li faħħar ir-rispons pożittiv tal-pubbliku għall-vawċers diġitali, il-Ministru għall-Ekonomja u Industrija appella u ħeġġeġ lill-dawk kollha li għalqu 16-il-sena sal-aħħar ta’ April, sabiex fl-aħħar jiem li fadal iniżzlu l-vawċers onlajn sa nofs il-lejl nhar l-4 ta’ Ġunju, mis-sit wallet.vouchersmimcol.com.

“Qed nagħtu importanza lill-ekonomija diġitali u l-integrazzjoni tad-diġitali fil-ħajja ta’ kuljum”, qal il-Ministru Schembri. Qal ukoll li l-Gvern uża dan l-eżerċizzju biex idaħħal il-mentalità u l-inċentiv biex il-pubbliku jmur diġitali. Huwa semma kif fl-ewwel ftit siegħat li tħabbret is-sistema tal-vawċers online, kien hemm iżjed minn 750 talba għall użu tal-e-id kull minuta. 

Huwa kompla billi fakkar li l-vawċers jistgħu jibdew jintużaw għand negozji eliġibbli mis-7 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru. Dawk li jkunu niżżlu l-vawċers online ser ikunu jistgħu jibdew jużawhom minnufih, mingħajr l-ebda tip ta’ dewmien, hekk kif il-vawċers ser ikunu fuq l-ismartphones tagħhom għal aċċess faċli kull darba li jkollhom bżonn.

Għal raġunijiet ta’ sigurtà, il-vawċers  imniżżla b’mod diġitali, ma jistgħux jiġu stampati jew mibgħuta bħala ‘screenshot’, hekk kif il-QR Code tagħhom, jiskadi wara ftit minuti minn xħin jinfethu.

Dawk li ma jkunux niżżlu l-vawċers online, ser jirċievu l-vawċers stampati b’mod awtomatiku, permezz ta’ posta rreġistrata fl-indirizzi residenzjali, wara s-7 ta’ Ġunju.

Fir-rigward tan-negozji eliġibbli huwa semma kif dawk in-negozji li għadhom iridu japplikaw għall-ewwel darba jeħtieġ jattivaw s-sistema tagħhom għall-aċċettazzjoni tal-vawċers.  Dan jista’ jsir billi jżuru s-sit vouchersmimcol.com u japplikaw għal ‘activation code’ fis-sezzjoni ‘I am a Business’.

Tkellem ukoll fuq il-proċessi ta’ trasparenza u kontabbilità li qed jintużaw, fejn kemm għall-vawċers diġitali jew stampati, l-irċevuta tal-VAT dejjem trid tiġi ppreżentata fl-app inkella t-transazzjoni ma ssirx. In-negozji għandhom iżommu l-vawċers stampati flimkien mal-irċevuta rispettiva, u fil-każ ta’ vawċers diġitali, jżommu l-irċevuta tal-VAT rispettiva u fuq wara tagħha jiktbu ‘s-serial number’ tal-vawċers rispettivi.  Dan jinsab fuq il-vawċers diġitali hekk kif jiġu preżentati fuq il-mobile.

Fakkar ukoll li issa n-negozji jistgħu jsibu l-materjal promozzjonali fuq is-sit vouchersmimcol.com fosthom tabelli għal mal-ħwienet li jaċċettaw il-vawċers u d-disinn tal-vawċers għal użu fi promozzjonijiet mnedija minn-negozji marbuta mal-vawċers.

More in Politika