Sondaġġ | Nofs il-poplu jrid kontroll fuq in-numru ta' ħaddiema barranin li jiġu Malta

Hemm bżonnhom għall-ekonomija u hawn madwar 70,000 ħaddiem barrani f'pajjiżna.  Iżda 49.7% tal-poplu Malti jemmen li jeħtieġ illi jkun hemm sa massimu ta' ħaddiema barranin li jistgħu jidħlu pajjiżna

Kważi nofs il-poplu Malti, preċiżment 49.7%, jemmen illi għandu jkun hemm sa massimu ta' ħadddiema barranin f'pajjiżna.  Il-kwistjoni ta' ħaddiema barranin kienet tqum diversi drabi u mistennija terġa' tqum hekk kif l-ekonomija terġa tibda tirranka u tinħoloq domanda għal impjiegi, li ma tistax tkun fornuta b'ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

Dan jirriżulta minn sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM magħmul minn Polar. 

Hekk kif il-popolazzjoni ta' ħaddiema barranin telgħet għal madwar 70,000 il-Ministru tal-Finanzi kurrenti staqsa jekk forsi wasalx iż-żmien li jiddaħħlu xi forma ta' kwoti, ta' ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi (ħaddiema mill-UE għandhom il-libertà kollha li jiġu jaħdmu hawn). 

Minn naħa l-oħra 29.2% tal-poplu ma jaqbilx ma' massimu jew xi tip ta' kwota ta' barranin, filwaqt illi 21% qalu illi ma jafux jekk jaqblux jew le. 

L-anzjani/mezza età l-aktar li jaqblu ma massimu ta' ħaddiema barranin

Interessanti naraw illi dan is-sondaġġ xjentifiku juri illi l-aktar li huma favur huma dawk li jinsabu tard fil-mezza età u kmieni fl-anzjanità (51-65) b'50.9% jgħidu li jaqblu ma' kwoti, 22% ma jaqblux u 27% ma jafux.  48.8% ta' dawk aktar minn 65 sena jaqblu ma' kwoti ta' ħaddiema, filwaqt li huma biss 16.5% li ma jaqblux - l-iktar persentaġġ baxx fost l-etajiet kollha.   

Minn naħa l-oħra dawk li huma żgħażagħ u kmieni fil-mezza età huma ħafna iktar kontra l-idea ta' massimu ta' ħaddiema barranin. Fil-fatt 43.8% ma jaqblux u 39.6% jaqblu, filwaqt illi 16.4% ma jafux jekk jaqblux jew le. 

Ftit aktar minn nofs jew 50.2% ta' dawk bejn l-etajiet ta' 36 u 50 sena jaqblu ma' xi forma ta' kwoti ta' ħaddiema barranin, 33.3% ma jaqblux u mill-ġdid 16.4% ma jafux jaqblux jew le. 

Meta mbagħad wieħed iħares lejn kif wieġbu l-parteċipanti skont il-livell edukattiv tagħhom, issib illi l-aktar li huma favur huma dawk b'edukazzjoni sekondarja u ftit wara dawk li għandhom edukazzjoni post-sekondarja. Fil-fatt, huma kważi 56% ta' dawk li għandhom edukazzjoni sekondarja li jaqblu ma' massimu, filwaqt li huma 52% ta' dawk b'edukazzjoni post-sekondarja li jaħsbu l-istess.  Jista' jkun li r-raġuni wara dan huwa l-fatt li fost dan is-settur hemm inċidenza ħafna akbar ta' ħaddiema barranin. 

L-aktar persuni kontra, minn naħa l-oħra, huma dawk b'edukazzjoni terzjarja fejn maġġoranza relattiva ta' 46.4% jemmnu li m'għandux ikun hemm massimu ta' ħaddiema barranin fil-pajjiż.  Minkejja dan 39.5% xorta jaqblu u 14% wieġbu illi ma jafux. 

Fil-livell ta' edukazzjoni primarja, fejn ukoll wieħed jifhem illi hemm inċidenza ogħla ta' ħaddiema barranin, maġġoranza relattiva ta' 45.8% wieġbu illi ma jafux jaqblux jew le, 34.2% jaqblu ma' xi forma ta' kwoti u 19.9% biss qalu li ma jaqblux. 

Kemm in-Nazzjonalisti u anke l-Laburisti jaqblu ... imma votanti PN ftit aktar

Meta wieħed jaqsam lin-nies skont kif ivvutaw jirriżulta li l-maġġoranza kemm ta' dawk li vvutaw lill-PN u anke ta' dawk li vvutaw lill-PL fl-aħħar elezzjoni ġenerali huma favur xi forma ta' massimu stabbilit fuq kemm jiġu ħaddiema barranin f'pajjiżna. 

Fil-fatt, 48.4% ta' dawk li vvotaw Labour fl-2017 jaqblu ma' xi forma ta' kwota filwaqt li 27% ma jaqblux (24.5% ma jafux). Maġġoranza assoluta ta' votanti tal-PN, jiġifieri 53%, qalu illi jaqblu ma' massimu ta' ħaddiema, filwaqt li 29.2% qalu li ma jaqblux (17.8% ma jafux). Għalkemm id-differenzi huma żgħar din tirrifletti xi ftit ukoll in-narrattiva politika dwar ħaddiema barranin fl-aħħar tmien snin. 

Minn naħa l-oħra ħadd mill-parteċipanti li fl-2017 ivvota lill-Alternattiva Demokratika ma qal li jaqbel ma' kwoti ta' barranin u dawn kollha wieġbu li huma kontra (100%). 

Minn dawk li ma vvutawx fl-2017 maġġoranza relattiva, jew 43.3% qalu li jaqblu ma' kwoti, 37.8% huma kontra u 18.8% ma jafux. 

Tat-Tramunatana tal-Port u l-Għawdxin l-aktar favur kwoti

U finalment meta taqsam lill-parteċipanti skont fejn jgħixu jirriżulta illi kullimkien hemm maġġoranza ta' nies li huma favur xi tip ta' kwoti, imma maġġoranza assoluta tinsab biss fit-tramuntana tal-Port fejn 52% jaqblu.  Din iż-żona tinkludi lil Tas Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Birkirkara, Ħamrun, Ħal Qormi, l-Imsida, il-Gżira u postijiet oħrajn. Intant 28% ma jaqblux u 20% ma jafux. 

Jekk naqsmu l-fliegu lejn Għawdex insibu kif 48.7% jaqblu ma' kwoti ta' ħaddiema barranin, 20.8% ma jaqblux u 30.4% tal-Għawdxin ma kinux jafu jekk jaqblux jew le. 

L-inqas żona fejn il-parteċipanti qalu illi jaqblu ma' kwoti kienu fit-Tramuntana, fejn xorta iżda maġġoranza relattiva ta' 39.3% qalu li jaqblu ma' tali kwoti. Minn naħa l-oħra 33.3% qalu li ma jaqblux filwaqt li 27.3% ma kinux jafu kif se jwieġbu.  Din iż-żona tinkludi l-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Naxxar u l-Mosta.

More in Politika