Kull vjaġġatur irid jippreżenta test jew ċertifikat tat-tilqima qabel u malli jasal Malta

Turist li jasal f'Malta mingħajr test jew ċertifikat tal-vaċċin irid iħallas għat-test u anke għall-kwarantina li ssir f'akkomodazzjoni speċifika magħżula mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ippubblikat l-Avviż Legali biex minn għada jidħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar l-ivjaġġar lejn Malta, biex kif żvelat il-gazzetta ILLUM, min ma jippreżentax ċertifikat tal-vaċċin jew inkella test negattiv kontra l-Covid-19, mhux se jkun qed jitħalla jaqbad l-ajruplan għal Malta.

Skont l-Avviż Legali, Malta mhux se tkun qed taċċetta rapid test iżda PCR (polymerase chain reaction) test li jkun magħmul mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tal-persuna f'Malta. Madanakollu, min ikollu ċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jkun qiegħed jintalab dan it-test.

L-Avviż Legali jgħid ċar u tond li "l-imbark ta' kwalunkwe persuna għandu jiġi mwaqqaf u rrifjutat, qabel it-tluq ta' dik il-persuna minn kwalunkwe pajjiż lejn Malta, jekk dik il-persuna ma jkollix fil-pussess tagħha," it-test jew inkella ċertifikat validu tat-tilqima.

Apparti minn hekk, l-istess affarijiet se jkunu qed jerġgħu jintalbu malli l-persuna tasal f'Malta, kemm jekk bl-ajru u kemm jekk bil-baħar u magħhom tkun trid tippreżenta Passenger Locator Form (PLF form). Dan biex ikun assigurat li ħadd ma tħalla jaqbad l-ajruplan mingħajrhom.

L-Avviż Legali
L-Avviż Legali
L-Avviż Legali
L-Avviż Legali
L-Avviż Legali
L-Avviż Legali

Jekk malli tasal Malta persuna ma jkollix f'idha dawn id-dokumenti se jkollha tagħmel PCR test f'Malta u titpoġġa fi kwarantina mandatorja sakemm jinħareġ ir-riżultat. Il-kwarantina tkun trid issir f'akkomodazzjoni speċifikament allokata għal dan il-għan mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Apparti minn hekk l-Avviż Legali jispjega li kull persuna li jsirilha l-PCR test f'Malta, se tkun qed tħallas hi stess għat-test u anke għall-akkomodazzjoni li fiha tkun se ssir il-kwarantina.

F'każ li din il-persuna tkun residenti f'Malta, tista' tagħżel li titpoġġa fi kwarantina mandatorja ġewwa akkomodazzjoni tal-għażla tagħha basta li din l-akkomodazzjoni tiġi approvata mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

L-uniku persuni li huma eżenti minn dawn ir-regolamenti huma dawk il-persuni li għandhom inqas minn ħames snin.

More in Politika