'L-unika garanzija għal kontijiet irħas u ġusti huwa Gvern Laburista. Dejjem kien u se jibqa’ jkun'

Il-Ministru Miriam Dalli ma tweġibx mistoqsijiet dwar jekk hux se jingħataw rifużjonijiet jekk tħallsu flus żejda fuq kontijiet imma tgħid li l-Gvern mhux se jibbaża d-deċiżjoni tiegħu 'fuq abbozz bikri ta’ rapport li ġie illikjat u li lanqas għadu finalizzat u mhux konklussiv'

Il-Ministru Miriam Dalli
Il-Ministru Miriam Dalli

Il-Minsitru tal-Enerġija Miriam Dalli ma tweġibx mistoqsijiet tas-sit illum.com.mt dwar l-iżbalji li qed jingħad li saru f'kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-Partit Nazzjonalista u jekk il-Gvern hux se jirrifondi lura xi flus li setgħu tħallsu żejda. Iżda hi sostniet li b’differenza għall-Oppożizzjoni "dan il-Gvern ma jitlaqx jiġri jagħmel konferenza tal-aħbarijiet bbażata fuq abbozz bikri ta’ rapport li ġie illikjat u li lanqas għadu finalizzat, bl-Awditur Ġenerali stess jgħid fi stqarrija li dak mhux rapport konklussiv."

"L-unika garanzija għal kontijiet irħas u ġusti huwa Gvern Laburista. Dejjem kien u se jibqa’ jkun. Li kieku baqa’ Gvern Nazzjonalista, l-orħos rata li llum qed iħallsu n-nies hija ta’ 16-il ċenteżmu. Fl-aħħar seba' snin il-familji qed iħallsu bl-orħos rata ta’ 10ċ5. Ħallejna aktar minn nofs biljun ewro fi bwiet il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin," sostniet il-Ministru Dalli ma' dan is-sit.

Sa dalgħodu stess il-PN kien qed jilqa' lin-nies fid-Dar Ċentrali li xtaqu jippreżentaw kontijiet tad-dawl u l-ilma li jħossu illi setgħu ħallsu aktar fuqhom.  Il-Kap tal-PN Bernard Grech saħaq illi Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu jaċċerta li l-konsumatur iħallas biss dak li huwa dovut minnu. 

Dalli sostniet iżda li llum f'nofs pandemija, skont hi, "il-Maltin moħħhom mistrieħ li bi Gvern Laburista se jibqgħu jgawdu fost l-orħos kontijiet fl-Unjoni Ewropea. F’riċessjoni ekonomika għaxar darbiet iżgħar minn tal-lum Gvern Nazzjonalista tana l-ogħla kontijiet fl-istorja." Għalhekk kompliet tgħid li huwa dan il-Gvern li hu kredibbli f'dan il-qasam

" Biss biss, fl-aħħar ġimgħat, irranġajna inġustizzji ta’ żmien Gvern Nazzjonalista meta tajna feed in tariff ġusta lil madwar 20,000 familja li tħallew lampa stampa b’sistemi li ħoloq Gvern Nazzjonalista," temmet tgħid il-Ministru.

Is-sit illum.com.mt staqsa dawn il-mistoqsijiet: 

Fid-dawl tal-konferenza li saret mill-PN nhar il-Erbgħa xtaqt nistaqsik dawn il-mistoqsijiet: 

 - Il-Gvern preżenti kien wiegħed li anomaliji li setgħu waslu biex il-kontijiet ikunu ogħla, kellhom jiġu irranġati. Ġew irranġati dawn l-anomaliji?  U jekk jekk le għaliex?

 - Tlabt jew beħsiebek titlob spjegazzjoni mill-ARMS dwar dawn inażetezzi? Jekk iva, x'qalulek?

 - Inti ma weġibtx lil ġurnal The Times dwar possibilità ta' rifużjoni.  Il-Kap tal-PN issa qed iwiegħed dan.  Inti lesta tipproponi xi forma ta' rifużjoni, fejn jirriżulta li konsumatur ħallas aktar milli suppost? 

 

More in Politika