Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal illi kienu "mijiet" ta' nies li marru jippreżentaw il-kont tagħhom matul is-sigħat ta' dalgħodu. Dan bħala inizzjattiva tal-istess PN biex jekk elett fil-Gvern jgħaddi madwar €50 miljun li hu qed jgħid illi nsterqu minn fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-aħħar tmien snin, permezz ta' kalkolu iżda li kien introdott minn Gvern Nazzjonalista lura fl-2009.
F'kummenti lill-midja l-Kap tal-PN Bernard Grech sostna illi l-wegħda tal-PN hija waħda ċara "u allura li se nagħtu il-flus kollha li nsterqu taħt Gvern Laburista." Hu qal illi fost il-mijiet li marru d-Dar Ċentrali dalgħodu kien hemm bdiewa, raħħala, anzjani u nies li huma sidien ta' negozju.
"Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi li int tħallas biss dak li huwa dovut," itemm jgħid Bernard Grech.