'Mhuwiex b’kumbinazzjoni li l-bijografu ewlieni ta’ Manwel Dimech u Dom Mintoff huwa l-istess'

Patri Mark Montebello jippreżenta l-bijografija tiegħu ta' Dom Mintoff lill-PM Robert Abela

Patri Mark jippreżenta l-ktieb
Patri Mark jippreżenta l-ktieb

“Mhuwiex b’kumbinazzjoni li l-bijografu ewlieni ta’ Manwel Dimech ikun l-istess bijografu ewlieni ta’ Dom Mintoff għax il-kontinwità ideoloġika daqskemm politika bejn it-tnejn titlob qari wieħed.” Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela llum waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb The Tail that Wagged the Dog mill-awtur Patri Mark Montebello.

Il-preżentazzjoni tal-ewwel bijografija xjentifika tal-Perit Dom Mintoff saret fil-Berġa ta’ Kastilja llum wara nofsinhar. Il-ktieb, maħruġ mill-pubblikatur SKS, se jkun għall-bejgħ fil-bidu tas-sajf li ġej.

Fit-tweġiba għall-kummenti tal-Prim Ministru, Patri Mark saħaq fuq il-ħtieġa nazzjonali li l-feneomenu Mintoffjan jinftiehem b’mod professjonali lil hinn minn kull passjoni partiġġjana. “Il-bijografija tal-Perit Mintoff,” huwa qal lill-Prim Ministru, “hija wkoll biċċa vitali tal-istorja tal-poplu Malti u Għawdxi fil-bidu tal-ħruġ tiegħu.”

Għall-preżentazzjoni kien preżenti wkoll Joe Borg, id-Direttur tal-SKS. Huwa qal li r-riċerka kollha ta’ Patri Montebello għal dan il-ktieb, li swiet lill-SKS eluf ta’ ewro, għaddiet kollha lill-Istat permezz tal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.

 “L-għaxriet ta’ eluf ta’ dokumenti kollha ta’ kull tip li jiffurmaw dal-korp ta’ riċerka,” qal Patri Mark lill-Prim Ministru, “għandha tkun aċċessibbli lir-riċerkaturi kollha biex ikompli jibnu fuq dak li dil-bijografija qed tpoġġi bħala fundament.”

Il-Prim Ministru rringrazzja lil Patri Mark u lill-SKS mhux biss għal dax-xogħol imma wkoll għas-servizz siewi li qed jagħtu permezz tiegħu lin-nazzjon Malti u Għawdxi. Huwa awgura li r-riċerka u l-istudji fuq il-Perit Mintoff ikomplu għall-ġid tal-istess nazzjon.

 

More in Politika