Fl-agħar tal-Covid numru ta' ġenituri Maltin xorta telgħu l-Indja biex jadottaw lil uliedhom


L-Indja għaddejja minn infern minħabba l-Covid-19.  Imma ġenituri Maltin lesti jgħaddu minnu dak l-infern biex jieħdu lil uliedhom u jniżżluhom Malta. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Kummissarju Għoli Malti fl-Indja, Reuben Gauci

Minkejja li hija diffiċli wieħed jifimha - l-aktar jekk qatt ma għadda mill-esperjenza tal-adozzjoni u minkejja li kien hemm min staqsa għaliex familja li tilfet lill-missier għall-Covid-19 xorta telgħet l-Indja bin-numri daqtsant gravi, xi kultant mhu faċli xejn u lanqas ġust naqtgħu l-kundanna. 

Fil-fatt fl-istess ġimgħa illi matulha l-Indja kienet qed tiffaċċja madwar 400,000 każ ġdid ta' Covid-19  u eluf ta' mwiet kuljum u fl-istess ġimgħa illi matulha raġel Malti li tela' biex jadotta miet ftit qabel ma beda triqtu lejn Malta, żewġ familji oħra telgħu l-Indja biex iġibu lil uliedhom lejn Malta. 

Qal dan mal-gazzetta ILLUM il-Kummissarju Għoli Malti fl-Indja Reuben Gauci, meta kkuntattjat u mistoqsi minn din il-gazzetta dwar is-sitwazzjoni f'dan il-pajjiż illi ra prattikament kroll, taħt il-madmad tal-Covid-19.

"Ara din xafra taqta' miż-żewġ naħat.  Dawn ikunu ilhom jistennew u għaddejjin minn proċess sħiħ u li jiġbru lit-tfal ikun l-aħħar pass minn dan il-proċess.  Qisek qed tgħid ilek sentejn tipprepara biex tiżżewweġ u dakinhar tmorru u ssibu l-Knisja magħluqa," qal Gauci. 
Huwa fakkar illi l-pariri jibqgħu hemm u wissa' li kif inhi s-sitwazzjoni fl-Indja "jeżistu riskji kbar".  Dan minkejja li l-Kummissarjat minn kollox jagħmel biex jgħin u jkun maġenb il-familji li jkunu telgħu l-Indja biex jadottaw.

"Inżommu kuntatt magħhom u nagħtu l-pariri dejjem biex jibqgħu ġewwa, imma jekk lanqas il-pajjiż ma jista' jlaħħaq - l-ambaxxata riżosri limitati għandha," saħaq Gauci. 

Huwa qal illi l-appell jibqa' dejjem biex ġenituri ma jmorrux l-Indja għalissa u jipposponu l-mawra tagħhom, "imma jkun hemm min jistaqsini - jekk is-sitwazzjoni tiggrava, x'se nagħmel b'ibni jew binti?"

Huwa qal illi minkejja s-sitwazzjoni tal-Covid-19, għajr għal fit posponimenti s-sena l-oħra, Maltin li kienu se jadottaw, telgħu u niżżlu lil uliedhom magħhom lura Malta. 

'Kont ma' martu u l-familja fl-aktar mumenti diffiċli'

Il-gazzetta ma setgħetx ma tistaqsix lil Gauci dwar il-mewta traġika ta' missier li tela' l-Indja biex jadotta, ħa l-Covid-19 u spiċċa miet ftit qabel ma qabad l-ajruplan lura Malta.  Il-Kummissjoni u hu x'parti kellhom f'dan il-proċess?

"Kellna kuntatt il-ħin kollu, mill-mument li inħarġet il-visa għat-tifla li l-koppja adottat," beda jispjega Gauci.  "Kont mal-mara tiegħu fl-aktar mumenti diffiċli, anke waqt il-kremazzjoni ta' żewġha.  Mument iebes ħafna," jgħid Gauci b'ton sobriju. 
Ikompli jgħid illi fl-aħħar mill-aħħar ix-xogħol tal-ambaxxati dak li hu.  Dak li jieħu ħsieb lin-nies tal-istess nazzjonalità meta jkunu f'dak il-pajjiż partikolari. 

Il-Kummissarju Għoli jgħid illi fi tmien xhur li ilu fil-kariga kellu madwar 20 familja li telgħet l-Indja biex tadotta, u dan dejjem matul il-pandemija - għalkemm naturalment hu beda fil-kariga meta n-numri kienu ħafna iktar baxxi.

"Darba kien hemm waħda u qaltli:  Kull ġurnata li tgħaddi u ma nkunux mat-tifel tagħna, hija ġurnata ta' aktar telf f'ħajjitna."
Imma għalfejn ħafna qed imorru l-Indja?

Huwa jispjega kif l-Indja hemm ħafna tfal li jisfaw orfni u bħalissa huwa wkoll l-aktar pajjiż miftuħ għal adozzjonijiet.  Jgħid li saħansitra hemm lukandi li joperaw esklussivament għal ġenituri li jixtiequ jadottaw tfal Indjani.

Il-Covid-19 tat daqqa kbira lill-Indja
Il-Covid-19 tat daqqa kbira lill-Indja

'L-akbar problema hija n-nuqqas ta' ossiġenu u spazju fl-isptarijiet'

Il-gazzetta tistaqsi lil Gauci jiddeskrivi s-sitwazzjoni fl-Indja bħalissa. "Xejn mhi sabiħa.  Mal-4,000 mewt kuljum u 400,000 każ kuljum u issa niżlu għal madwar 200,000 kuljum ta' Covid-19," qal Gauci li jfakkar li l-Indja huwa wieħed mill-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja, mal-1.2 biljun persuna - fi spazju ħafna iżgħar minn pajjiżi bħar-Russja u l-Amerika ta' Fuq. 

Huwa qal li l-varjant Indjan wassal biex il-virus inxtered b'mod veloċi ħafna - xi ħaġa li ħadd ma stenniha.  "Ħadd ma kien preparat għal din iż-żieda f'daqqa ... imma is-sitwazzjoni hija tali li f'lukandi bħalissa ssib post għax tursti ma hawnx, imma post fi krematorji ma ssibx!"

Minkejja xeni xejn sbieħ ta' eluf ta' nies mejtin u bil-Covid-19 jinħarqu - huwa jfakkar li f'dan is-sens l-Indja kienet preparata hekk kif hija t-tradizzjoni ta' miljuni ta' persuni Hindu, li jikkremaw lil dawk li mietu.

"L-akbar problema hawnhekk huwa n-nuqqas ta' ossiġenu u spazju fl-isptarijiet," spjega Gauci.

Huwa qal ukoll illi l-Covid-19 affetwat il-visas lejn Malta, normalment għal madwar 12,000 persuna fis-sena.  Minkejja dan qal illi x-xogħol u l-interess bejn iż-żewġ pajjiżi baqa' għaddej b'interess minn esportaturi Maltin u minn diversi fl-industrija fl-Indja, fosthom fil-farmaċewtika li jkaffar illi hija industrija kbira f'dan il-pajjiż.

Ifakkar ukoll illi minn dawk l-eluf ta' visas ħafna jkunu ta' studenti Indjani li jiġu Malta jistudjaw fl-Università jew skejjel privati. 

Gauci itemm jassigura li hu u l-ħaddiema fil-Kummissarjat huma siguri, bix-xogħol għaddej iżda b'attenzjoni u roasters, biex kemm jista' jkun jiġi evitat tixrid tal-virus.  Jgħid ukoll illi l-kuntatt ma' Malta u mal-Gvern huwa kontinwu, b'appoġġ lokali li qed jasal għandu u l-ħaddiema kollha tal-Kummissjoni Għolja. 

More in Politika