Il-Ministru Caruana jħabbar li l-Gvern se jinforza l-liġi kontra dawk li ma jħaddmux persuni b'diżabilità

Jgħid li ġieli marru għandu persuni li akkost ta' kollox ma ridux iħallsu kontribuzzjoni talli ma ħaddmux persuni b'diżabilità

Il-Minstru tal-Finanzi Clyde Caruana qal fil-Parlament, hekk kif bdiet id-diskussjoni dwar l-Att dwar l-Impjieg ta' Persuni b'Diżabilità, illi l-Gvern se jkun qed jara li l-Liġi li timponi kwoti ta' persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol, tkun infurzata, speċjalment f'każi fejn min iħaddem jibqa' jirrifjuta li jħallas il-kontribuzzjoni ta' €2,400 għal kull persuna b'diżabilità li suppost iħaddem u mhuwiex.

Din il-liġi tal-1969 - imma li l-Gvern iddeċieda li jinforza fl-2015 - titlob li kull post tax-xogħol ikollu 2% tal-ħaddiema li jkunu persuni b'diżabilità.  F'każ fejn min iħaddem ma jkunx irid jew ma jkunx jista' jimpjega persuni b'diżabilità titħallas il-kontribuzzjoni - li titla' għal massimu ta' €10,000. Il-Ministru qal illi sal-lum il-ħlas ta' din il-kontribuzzjoni għadha mhix infurzata, xi ħaġa li l-Gvern qed jara li jbiddel permezz ta' dan l-Att.

Il-Ministru Caruana rrakkonta kif ġieli marru kellmuh persuni li jmexxu kumpaniji li għandhom dħul ta' €30 miljun kull sena imma li jgħidulu illi akkost ta' kollox ma jridux iħallsu din il-kontribuzzjoni. "Din hija attitudni li tweġġgħani u jeħtieġ tinbidel," temm isostni.

More in Politika