Imħabbar proġett ta' €50 miljun fuq medda ta’ 20 sena ta' investiment f'enerġija rinnovabbli

Waqt it-tnedija tal-iskema, il-Ministru Miriam Dalli spjegat ukoll li din l-iskema tindirizza erba’ Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

Miriam Dalli waqt il-Konferenza
Miriam Dalli waqt il-Konferenza

Investituri privati li qed ifittxu li jinvestu f’enerġija rinnovabbli se jkunu jistgħu jissottomettu l-offerti tagħhom għal proġetti b’ġenerazzjoni totali ta’ enerġija li tilħaq il-31MW.

L-investiment li se jkun qed jiġi ġġenerat huwa ta’ €50 miljun fuq medda ta’ 20 sena li jikkorrispondi mat-tul taż-żmien tal-Feed-In Tariff. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, fil-preżenza tar-Regolutar għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma u ARMS Ltd.

Fl-akbar pakkett sal-lum li qed joħroġ għall-kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, l-investituri prospettivi qed jiġu mistiedna jissottomettu l-proposti tagħhom għal kapaċitajiet ta’ enerġija rinnovabbli li jvarjaw bejn 40KWP sa 1MWP b’ġenerazzjoni totali ta’ 31 MW.

Se tkun qed tinqasam f’10 sejħiet biex toffri opportunità wkoll lill-investituri medji jissottomettu l-offerti tagħhom. “Qed inkunu ambizzjużi għax din hija l-akbar allokazzjoni li tajna s’issa. L-iskema l-ġdida ġiet imfassla wara serje ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati u ġiet imfassla b’mod li tattira lil dawk li huma verament serji fl-investiment fl-enerġija rinnovabbli,” qalet il-Ministru Miriam Dalli. “L-iskemi ġew ukoll allinjati biex jissodisfaw ir-regolamenti Ewropej.”

Qed jiġi allokat perjodu ta’ 12-il xahar li fihom l-investituri jistgħu jissottomettu l-offerti tagħhom. Id-dettalji tal-iskema se jkunu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern il-ġimgħa d-dieħla flimkien mas-sejħa għall-offerti. B’hekk, investitur prospettiv ikun konxju mid-dati stabbiliti għas-sottomissjonijiet tal-offerti għal kull sejħa li qed tiġi skedata.

Fl-ewwel lott ta’ ħames sejħiet, l-offerenti qed jiġu mistiedna jissottomettu proposta għal kapaċitajiet ta’ ġenerazzoni ta’ enerġija rinnovabbli minn 40KW sa 200KW. Dawn se jinqasmu f’ħamsa, bl-ewwel sejħa talloka 2MW u l-bqija jallokaw 1MW kull waħda.

Fit-tieni lott ta’ ħames sejħiet, l-offerenti qed jiġu mistiedna jissottomettu proposta għal kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli minn 200KW sa 1MW. Se jinħarġu ħames sejħiet, b’allokazzjoni ta’ 5MW rispettivament.

Ir-regolatur (REWS) se jkun qiegħed jorganizza laqgħa nhar id-9 ta’ Ġunju biex tingħata aktar informazzjoni teknika u kjarifiċi li jistgħu jkollhom l-offerenti prospettivi.

Waqt it-tnedija tal-iskema, il-Ministru Dalli spjegat ukoll li din l-iskema tindirizza erba’ Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli: Enerġija Affordabbli u Nadifa - permezz tal-użu tat-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli, Industrija, Innovazzjoni u Infrastruttura - li hija direttament relatata mal-avvanz fl-innovazzjoni ta' teknoloġiji ottimizzati, Konsum Responsabbli - li jiġi żgurat l-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi naturali,  Azzjoni Klimatika - tieħu azzjoni billi tappoġġa metodi ta’ produzzjoni nodfa permezz tat-tranżizzjoni lejn enerġija aktar nadifa. 

More in Politika