L-FKNK takkuża lil BirdLife bi spjunaġġ; Tressaq protest il-Qorti u ilment quddiem il-Kummissarju tad-Dejta

L-FKNK qed tisħaq li BirdLife Malta ma għandha “l-ebda awtorità” li tikser il-liġi, u tinjora u ġġib fix-xejn id-drittijiet tal-ebda ċittadin, wisq anqas tal-kaċċaturi u n-nassaba

Il-Federazzjoni  Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ressqet Protest Ġudizzjarju fil-Qorti kontra BirdLife Malta tilmeta, għax fi kliemha, b’mod “ripetut u sistematiku,” attivisti ta’ BirdLife Malta qed jispjunaw lill-membri tal-FKNK billi jiffilmjawhom għal ħinijiet twal waqt li dawn l-istess membri ikunu ġewwa l-għelieqi privati tagħhom jipprattikaw il-kaċċa u/jew l-insib.

L-FKNK qed tisħaq li l-aġir tal- BirdLife Malta jammonta għal ksur ta’ liġi u tad-disposizzjonijiet tal-Att dwar l-Informazzjoni u l-Privatezza tad-Dejta, anke minħabba l-iffilmjar u l-monitoraġġ tal-kaċċaturi u n-nassaba mingħajr il-kunsens tal-individwu.  

“Aktar minn hekk, l-istess komportament huwa wkoll illegali u abbużiv anke peress li tali attività ta’ spjunaġġ qegħda jssir mingħajr ebda awtoriżazzjoni legali ta’ ebda awtorità kompetenti, b’dan li allura tikkostitwixxi mhux biss abbuż ta’ poter iżda tikkwalifika bħala attività ta’ investigazzjoni privata mingħajr liċenzja,” ikompli l-protest.

L-FKNK insistiet li BirdLife Malta ma għandha “l-ebda awtorità” li tikser il-liġi, u tinjora u ġġib fix-xejn id-drittijiet tal-ebda ċittadin, wisq anqas tal-kaċċaturi u n-nassaba.  

“L-id tal-ġustizzja għandha tilħaq lill kulħadd mhux biss lill-kaċċaturi u n-nassaba, u għalhekk dawn l-attivitajiet illegali ta’ BirdLife Malta għandhom jiiqfu b’mod immedjat,” kompliet tisħaq l-FKNK.

Fid-dawl ta’ dan, apparti l-Protest, l-FNKK ressqet ukoll ilment uffiċjali mall-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Dejta.

“Dan peress, li għal dawn l-aħħar snin, b’mod regulari u ripetut matul l-istaġuni tal-kaċċa u l-insib, l-FKNK irċeviet diversi ilmenti mill-membri tagħha dwar fastidju, ksur tal-privatezza tagħhom, kif ukoll pretensjonijiet oħra minn attivisti ta’ BirdLife Malta u/jew CABS, li ta’ kuljum preċett, fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata u għal sigħat twal jispjunaw lill-membri tal-FKNK, mhux biss personalment ‘with their naked eye’, iżda iktar minn hekk b’mezzi elettroniċi fosthom trombi sofistikati, video recorders, u kameras tar-ritratti b’liema jiffilmjaw u jiġbdu ritratti tan-nassab jew il-kaċċatur b’tali dettal fejn l-uċuh huma faċilment identifikati,” qalet l-FKNK. 

Għalhekk qed titlob lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Dejta biex immedjatament iwaqqaf lill-attivisti ta’ BirdLife u Cabs u jagħti “l-piena rispettiva għal dan l-aġir illegali tagħhom.”

More in Politika