Negozju tajjeb fir-ristoranti matul il-ġimgħa b'numri tajbin ħafna llum il-Ħadd - Philip Fenech

Ħafna riedu joħorġu u jidher li hekk għamlu b'Philip Fenech mill-Kamra tal-SMEs jgħid li bosta qed jirrapportaw l-aqwa jum f'termini bookings illum il-Ħadd għall-ikla ta' nofsinhar 

Fl-ewwel ġimgħa ta' negozju għar-ristoranti jidher li  - minkejja diversi restrizzjonijiet li qed iwasslu biex ristorant għalissa ma jilħaqx il-potenzjal kollu - kien hemm negozju li kien qed jiżdied ftit, ftit għal uħud, filwaqt li kien tajjeb ħafna għal oħrajn b'ċerti stabbilimenti anke jkunu fully booked f'xi ġranet matul il-ġimgħa.  Jidher iżda li llum il-Ħadd bosta qed jirreġistraw l-aqwa ġurnata din il-ġimgħa, b'bookings sejrin tajjeb jew tajjeb ħafna għall-ikla ta' nofsinhar. 

Żvela dan mal-illum.com.mt il-Viċi President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Philip Fenech, li qal ukoll illi x-xogħol beda jiċċaqlaq minn nhar it-Tnejn li għadda stess, meta sostna li saħansitra kien hemm ftit li ħadu ġurnata frank biex marru jieklu barra. 

"Matul il-ġimgħa kien hemm min beda jaqbad art b'mod tajjeb u oħrajn imlew l-imwejjed kollha.  Pero' llum qed nistennew li tkun l-aħajr ġurnata.  Fortunatament it-temp ta' din il-ġimgħa ffavoriena, għax kien sabiħ imma mhux dik is-sħana kbira," sostna Fenech ma' dan is-sit. 

Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit u li jaħdmu fil-fortnitura tal-ikel ikkonfermaw li tmiem il-ġimgħa kien wieħed tajjeb, f'diversi żoni, inkluż uħud f'Għawdex

Ir-ristoranti u kafetteriji kif ukoll snack bars fetħu l-bibien tagħhom nhar it-Tnejn, imma sal-24 ta' Mejju se jkunu jistgħu jibqgħu miftuħin sal-5:00 p.m biss. Wara din id-data se jkunu jistgħu jifħu sa nofsiljel, sakemm jitħabbar mod ieħor.

More in Politika