Il-popolazzjoni ta' barranin f'pajjiżna titla' minn 20,000 għal aktar minn 100,000 f'disa' snin

Fl-aħħar tal-2019 il-popolazzjoni f'Malta taqbeż il-500,000 - b'103,180 persuna jkunu barranin

Il-popolazzjoni ta' pajjiżna sal-aħħar tal-2019 telgħet għal 514,464, li hija żieda ta' kważi 100,000 persuna fuq l-2010 meta kienu jgħixu Malta 414,989 persuna.  Dan jirriżulta minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li juru biċ-ċar illi l-akbar kontributur għal din iż-żieda fil-popolazzjoni kienet il-migrazzjoni, u allura persuni barranin li ġew jgħixu Malta.

Fl-2010 kienu b'kollox 395,850 persuna Maltija li kienu jgħixu f'pajjiżna u 19,139 li kienu barranin. 

Fl-2019 imbagħad il-popolazzjoni ta' Maltin telgħet għal 411,384 filwaqt li l-barranin qabżu għal 103,180 persuna, li tfisser żieda ta' 20% f'disa' snin. 

Iż-żieda fil-popolazzjoni minn sena għal sena kienet ta' 21,000 bejn l-2018 u l-2019 - minn 493,559 għal 514,464 bil-popolazzjoni ta' Maltin tiżdied b'1,092 u l-popolazzjoni ta' persuni barranin tiżdied b'19,900. Dan minkejja li ż-żieda naturali fil-popolazzjoni ta' pajjiżna kienet biss ta' 662 fl-2019 wara li kienu rreġistrati 4,350 twelid u 3,688 mewt. 

More in Politika