Zenith irċeviet 'għexieren ta' eluf ta' ewro' mill-kumpaniji ta' Keith Schembri u Brian Tonna fil-BVI

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif illum kompla l-każ kontra Matthew Pace u Lorraine Falzon minn Zenith

Il-kumpanija BTI management Ltf għaddiet madwar €600,000, permezz ta’ kont miftuħ minn Brian Tonna u Karl Cini, għal Katrin Bondin Carter, filwaqt li eluf ta’ ewro għaddew f’kontijiet tal-kumpanija MFSP (illum imsejħa Zenith), mingħand kumpaniji fil-British Virgin Islands li s-sidien tagħhom huma Keith Schembri u Brian Tonna.

Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif illum kompla l-każ kontra Matthew Pace u Lorraine Falzon minn Zenith fejn, fost oħrajn xehdu uffiċjali mill-Asset Recovery Bureau. Pace u Falzon qed ikunu akkużati b’ħasil ta’ flus u frodi u kienu arrestati u mressqa l-Qorti fl-20 ta’ Marzu li għadda, flimkien mal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Sachembri u tmien persuni oħra.

Illum xehdu diversi esperti u anke uffiċjali tal-Pulizija. Fil-Qorti ntwerew diversi ritratti meħuda waqt it-tfittxijiet li saru fir-residenzi ta’ Matthew Pace, Malcom Scerri u Vince Buhagiar (eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers).

Rappreżentanti mill-HSBC, il-BOV, il-FIMBANK u anke Sparkasse ppreżentaw evidenza dwar il-kontijiet tal-akkużati.

Uffiċjal mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Reati Finanzjarji ppreżenta analiżi tal-kumpanija BTI management Ltd, li qabel kienet imsejħa BT finances. Madwar €600,000 għaddew minn kont fil-BOV li kien infetaħ minn Brian Tonna u Karl Cini. Qal li l-kumpanija Colson Services Ltd ta’ Keith Schembri u SPC ltd ta’ Brian Tonna, fil-British Virgin Islands, għaddew eluf ta’ ewro lill-kumpanija.

Il-każ se jkompli fl-14 ta’ Ġunju.

More in Politika