Aktar minn 1,400 immigrant jidħlu fil-gżira ta' Lampedusa abbord 15-il dgħajsa

Is-Sindku ta' Lampedusa saħaq li t-temp sabiħ ifisser li aktar dgħajjes mistennija jkomplu jaslu

Ritratt: Arkivji
Ritratt: Arkivji

Ħmistax-il dgħajsa mimlija b’mijiet ta’ immigranti daħlu fil-gżira Taljana ta’ Lampedusa, b’aktar immigranti mistennija jaslu hekk kif it-temp jippermetti.

Fil-fatt, madwar 1,400 persuna niżlu minn fuq dawn id-dgħajjes.

“Il-wasliet tal-immigranti se jkomplu hekk kif it-temp ikompli jippermetti,” saħaq is-Sindku ta’ Lampedusa, Toto Martello. “Irridu nibdew mill-ġdid id-diskussjonijiet.”

Fl-ewwel ħames xhur tas-sena, daħlu fl-Italja 11,000 immigrant, 4,105 persuni aktar mis-sena ta’ qabel. 

Dawn il-wasliet waslu biex il-lemin estrem jerġa’ jgħolli rasu, b’Matteo Salvini, li jmexxi l-Lega, ħeġġeġ lill-Prim Ministru Mario Draghi biex jindirizza din il-kwisjoni.

“Hekk kif miljuni ta’ Taljani qed jiffaċċjaw diffikultajiet, ma nistgħux nieħdu ħsieb ukoll eluf ta’ immigranti,” insista.

Waħda mid-dgħajjes, waħedha, kienet qed iġġorr 400 immigrant.

More in Politika