'Inkorlat u ddispjaċut'; Micallef jisħaq li l-PL kellu jsejjaħ Konferenza Ġenerali qabel jiddeċiedi fuq il-kannabis

Jason Micallef huwa favur id-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis iżda mhux il-legalizzazzjoni tagħha kif se jipproponi l-Partit Laburista

Iċ-Chairperson ta' ONE TV, Jason Micallef insista li qabel jieħu pożizzjoni fuq il-legalizazzjoni tal-kannabis, l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista kellu l-ewwel ilaqqa' lid-delegati waqt "Konferenza Ġenerali Straordinarja."

F'post fuq Facebook, Jason Micallef saħaq li din il-proċedura toħroġ mill-istess statut tal-Partit Laburista u insista li fuq policy jew materji sensittivi, għandhom ikunu d-delegati li jiddeċiedu.

"Jien delegat tal-Konferenza, ma naqbilx u kont nivvota LE, permezz ta' vot sigriet wara diskussjoni fil-Konferenza," insista Micallef. "Hekk biss titlob demokrazija f'partit."

Fuq materja sensittiva bhal din, l-Ezekuttiv Nazzjonali tal-PL kellu l-obbligu li jlaqqa' l-ewwel lid-delegati...

Posted by Jason Micallef on Sunday, 9 May 2021

Saħansitra qal li jinsab "inkorlat u ddispjaċut" fuq il-mod kif ittieħdet din id-deċiżjoni.

Fil-fatt, skont is-sit The Journal, sit ġdid tal-aħbarijiet bl-Ingliż tal-Partit Laburista, b'reazzjoni għall-White Paper tal-Gvern fuq l-użu tal-kannabis, il-Partit Laburista se jkun qed isejjaħ għal-legalizzazzjoni tal-kannabis u mhux sempliċiment għad-dikriminalizzazzjoni tagħha.

Micallef saħaq li huwa favur id-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali iżda qed jopponi l-legalizzazzjoni.

Fil-fatt, f'post separat, Jason Micallef faħħar ukoll lill-Caritas u lid-direttur tagħha Anthony Gatt u qal ċar u tond li ma jaqbel xejn li l-kannabis tkun legalizzata.

"Iż-żminijiet jinbidlu, u magħhom id-deċiżjonijiet u l-fehmiet tagħna. Pajjiżna jinsab jiddiskuti d-dikriminalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu personali, mhux ghal-legalizzazzjoni tal-kannabis," kiteb fuq Facebook. "Dan is-suġġett sensittiv la għandu jinqabad f'argumenti fażulli, u wisq anqas li naħsbu li nistgħu nirromblaw fuq xulxin biex sempliċiment nidhru "moderni" mal-istorja," temm jisħaq Micallef.

Il-Partit Laburista se jkun qed isejjaħ biex ikun hemm qafas legali li jistabbilixxi kif tista' tinxtara u tinbiegħ il-pjanta tal-kannabis u ż-żerriegħa.

Dalghodu xtaqt insellem persuna li nqisha "eccezzjonali" ghal dak kollu li jaghmel fi hdan Caritas Malta, Anthony...

Posted by Jason Micallef on Saturday, 8 May 2021

Il-PL se jitlob ukoll li jkun hemm awtorità ddedikata li tirregola s-suq u tikkontrolla l-kwalità, fejn għandha fuq il-pakketti jkun hemm tabelli bl-informazzjoni kollha, inkluż dwar l-effett tal-kannabis.

Jidher ukoll li l-Partit Laburista se jkun qed jisħaq li għandu jkun hemm żoni apposta fejn il-kannabis tkun tista' tiġi kkonsmata.

More in Politika