Sondaġġ MT | Grech jieħu daqqa 'l isfel hekk kif id-distakk bejn il-partiti jerġa' jitla' għal 39,000 vot

Hekk kif il-pajjiż beda ħiereġ minn taħt (kważi) lockdown u riesqa dejjem aktar elezzjoni, il-PN reġa' tilef ħafna mill-gwadann li kien kiseb

Bernard Grech jesperjenza tnaqqis qawwi fil-fiduċja
Bernard Grech jesperjenza tnaqqis qawwi fil-fiduċja

Is-sondaġġ ippubblikat illum fuq il-gazzetta oħt Maltatoday, ma jġib ebda aħbariijiet sbieħ għall-Partit Nazzjonalista u b'mod speċjali għall-Kap tal-PN Bernard Grech - li jidhru illi qed jitilfu prattikament l-appoġġ kollu li kisbu waqt l-agħar ġimgħat tal-pandemija u waqt li l-pajjiż kien fi kważi lockdown. 

Grech ra l-appoġġ u l-fiduċja lejh tinżel fl-aktar livelli baxxi, għal 25.7%, filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela kiseb il-fiduċja ta' 49.6%.  Dan ifisser li d-differenza fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja politiċi, li kienet diġà kibret fis-sondaġġ ta' April issa tinsab fil-livell ta' 24% favur Robert Abela.  Fis-sondaġġ ta' April id-differenza bejn Abela u Grech kienet ta' 12%, b'Abela jżid b'7.4% għal total ta' 47.2% u Grech jirreġistra fiduċja ta' 35.8%. 

Dan juri allura li l-Prim Ministru żied biss ftit iktar fil-fiduċja, imma Grech naqqas b'10%. 

Intant mistoqsijin lil min jivvutaw kieku kellha ssir elezzjoni issa 44.8% wieġbu Partit Laburista (41.8% f'April) u 30% wieġbu Partit Nazzjonalista (35.6% f'April), b'distakk allura ta' 14.8%, li meta taqta' lil dawk li qalu illi ma jafux kif jivvutaw (12.2%) jew inkella ma jivvutawx (11.1%) ifisser differenza ta' 39,000 vot favur il-Partit Laburista. 

 

More in Politika