Rabja għal-lista l-Ħadra tar-Renju Unit li ħalliet l-aktar destinazzjonijiet popolari fost l-Ingliżi barra

Reazzjoni negattiva għal-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit minn Tui, Virgin Atlantic, Easyjet, l-awtoritajiet ta' Benidorm, u anke minn Malta ...

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) esprimiet sorpriża għall-fatt li  - minkejja li qed ikollha riżultati tajbin fil-qasam tal-Covid-19 u minkejja li l-midja Ingliża kienet ilha ssemmi lil  pajjiżna għal ġranet sħaħ, Malta ma tpoġġietx fuq il-Lista l-Ħadra ta' pajjiżi fejn l-Ingliżi jistgħu jmorru mingħajr ma jkollhom għalfejn jagħmlu kwarantina. 

Fil-fatt ma kinitx Malta biss li tħalliet barra, hekk kif tħallew barra fost l-aktar destinazzjonijiet popolari mal-Ingliżi, jiġifieri l-Greċja, l-Italja u anke Franza.  Bosta fil-qasam turistiku fir-Renju Unit huma rrabjati ħafna għal din id-deċiżjoni mhux biss minħabba l-lista fiha nnifisha imma anke l-fatt li numru ta' pajjiżi li l-Gvern Ingliż poġġa fil-lista lanqas biss qed iħallu turisti jidħlu jekk mhux wara li jagħmlu kwarantina.  Fost dawn hemm l-Awstralja u New Zealand. 

"Il-Gvern jidher illi injora l-evidenza xjentifika ċara," qal Charlie Cornish, Kap Eżekuttiv ta' Manchester Airports Group.  Is-Sindku ta' Benidorm - post popolari ħafna ma' turisti Ingliżi - ikkritika d-deċiżjoni u qal li r-rata ta' infezzjoni hija inqas mill-Portugal, li ddaħħlet fil-lista.

Il-kumpaniji Tui u Virgin Atlantic, qalu illi din il-lista hija "kawta żżejjed" filwaqt li Johan Lundgren minn Easyjet qal illi d-deċiżjoni li jitpoġġew daqstant ftit pajjiżi fil-lista, "sempliċiment mhix ġustifikata." 

Lura Malta, l-MHRA qalet illi s-sitwazzjoni trid tkun indirizzata b'mod urġenti inkella Malta se titlef dak li kien qed jidher bħala bidu tajjeb għall-istaġun.  Għalhekk appellat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Korpi Diplomatiċi biex jieħdu l-azzjoni neċessarja ħalli Malta tkun tkun fuq il-Lista l-Ħadra ladarba l-lista tkun riveduta fi ftit ġimgħat. 

Malta kienet mistennija li tkun fuq il-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit, tant li sa ftit sigħat biss qabel tħabbret diversi portals u gazzetti Ingliżi kienu qed jagħtu prominenza lil pajjiżna bħala wieħed minn dawk li l-Gvern Ingliż se jiftaħ għat-turiżmu estern - fosthom l-Independent, Mirror u anke Sky News. 
Din il-gazzetta stess irrapportat kif Malta mistennija tkun fuq din il-lista wara kuntatt ma' sorsi mill-Gvern li indikaw illi dan se jkun il-każ. B'numri ta' Covid-19 baxxi u proċess mgħaġġel ta' vaċċinazzjoni, din id-deċiżjoni għalhekk ġiet bħala sorpriża kbira u kerha!

Malta kienet mistennija li tkun fuq il-Lista l-Ħadra tar-Renju Unit, tant li sa ftit sigħat biss qabel tħabbret diversi portals u gazzetti Ingliżi kienu qed jagħtu prominenza lil pajjiżna bħala wieħed minn dawk li l-Gvern Ingliż se jiftaħ għat-turiżmu estern - fosthom l-Independent, Mirror u anke Sky News. 

Lokalment il-gazzetta ILLUM  stess irrapportat kif Malta mistennija tkun fuq din il-lista wara kuntatt ma' sorsi mill-Gvern li indikaw illi dan se jkun il-każ. B'numri ta' Covid-19 baxxi ħafna u proċess mgħaġġel ta' vaċċinazzjoni, din id-deċiżjoni għalhekk ġiet bħala sorpriża kbira u kerha!

Intant l-MHRA laqgħet l-aħbar li l-Ġermanja iddikjarat li Malta m'għadhiex żona ta' riskju għall-Covid-19. 

 

More in Politika