Analiżi | Inċertezza, pagi baxxi, abbuż u moviment tal-ħaddiema maqsum - l-isfidi tal-ħaddiema f'Malta fl-2021

Jum il-Ħaddiem ġie u għadda, imma l-isfidi, id-diffikultajiet u anke l-abbuż baqa' għaddej. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma' Wayne Flask, Matthew Borg, Carmel Borg u Josef Bugeja ...

Is-Sibt 1 ta' Mejju, pajjiżna flimkien ma' eluf ta' pajjiżi oħrajn madwar id-dinja fakkru lill-ħaddiem - ix-xewka tad-dahar tal-ekonomija.  Mingħajrhom ix-xogħol ma jsirx, il-produzzjoni ma titlax u s-servizz ma jingħatax bl-aktar mod effiċjenti.  Xi kultant l-idea ta' Jum il-Ħaddiem tfakkarna wisq f'mass meetings politiċi tal-passat, l-aktar tal-Malta Labour Party, bil-karrijiet satiriċi - għal dawk li jiftakru - u ninsew ir-realtajiet tal-ħaddiem maġenbna.  Dawk fl-istess post tax-xogħol imma li huma tal-kuntrattur, dak li s-Sibt li għadda ġabilna l-pizez fuq il-mutur, jew dak li jiġi jiknes it-triq, jew ix-xufier fuq tal-linja jew inkella dawk il-ħaddiema li jġibulna l-ikel mal-mejda u xi grokk mal-bar, l-infermieri, l-għalliema u tant eluf oħrajn!  

Għalhekk din il-gazzetta kellmet lil nies diversi li huma midħla tal-ħaddiema, tal-postijiet tax-xogħol u tar-realtajiet li jiltaqgħu magħhom, nies li studjaw u janalizzaw il-qasam tax-xogħol u oħrajn li ħafna drabi ssibhom fuq quddiem jipproptestaw u jitkellmu f'isem il-ħaddiem. 
Nistaqsuhom:  X'inhuma l-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema f'Malta bħalissa?

Josef Bugeja (GWU)
Josef Bugeja (GWU)


'L-inċertezza, flus fil-but u s-saħħa mentali - minħabba l-Covid-19, huma l-akbar sfidi bħalissa'  - Josef Bugeja

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers' Union (GWU) Josef Bugeja,  saħaq illi bħalissa f'Malta ninsabu f'fażi li qed nibdew naraw l-ewwel xquq ta' dawl u allura kulħadd donnu qed iħares lejn l-1 ta' Ġunju bħala dak il-punt li fih tibda dieħla ftit normalità. 
Huwa wera' biċ-ċar li l-isfidi preżenti huma kollha b'xi mod jew ieħor, relatati mal-Covid-19:  L-Inċertezza, is-saħħa mentali u anke d-dħul tal-ħaddiem. 

"Bħalissa kulħadd, bejn bit-tama u bejn inkwetat li ma jmurx jerġa' jinqala' xi ħaġa minn issa sal-bidu ta' Ġunju - allura l-inċertezza hija sfida kbira ħafna bħalissa," jisħaq Bugeja mal-ILLUM. 

Huwa qal illi bħalissa l-unjin għaddejja b'diskussjonijiet hekk kif bdew il-preparazzjonijiet għal Ġunju.  "Hemm katina ta' lukandi li qed tfittex 200 ħaddiem minn issa, biex tibda tħarreġ u tipprepara għal meta jiftħu."

Dwar is-suppliment tal-paga huwa fakkar li dan mistenni jibqa' għaddej sal-aħħar tas-sena għal dawk is-setturi l-aktar illi intlaqtu.  "Imma ma ninsewx li ħafna fl-ospitalità issa ilhom ħafna żmien jitħallsu €800 fix-xahar u ma jiħdux l-€400 li suppost joħroġ min iħaddem, għax ma setgħux joħorġuhom.  Fil-fatt ħafna impjegaturi qalulna illi kieku mhux għas-suppliment kienu jispiċċaw ikeċċu."
Bugeja qal li issa ħafna nies qed jistaqsu kemm se jdumu fil-bubbles u kemm se jdumu biex jerġgħu jibdew jaqilgħu l-paga normali tagħhom - minkejja li x-xogħol xorta qed isir. 

"Ħafna qed ibatu minn stress kbir - minħabba l-inċertezza, fosthom dawk li per eżempju għandhom self għal xi dar li għadhom kif xtraw u jaħdmu fl-osptitalità u ma jafux hux se jkollhom xogħol, hux ġejjin turisti ...."  Bugeja kompla jispjega ma' din il-gazzetta li fir-realtà hemm setturi fejn ix-xogħol kien b'saħħtu ħafna fosthom tal-ġugarelli, l-elettronika u affarijiet tad-dar - bħal għamara/aċċessorji u anke ħwienet tas-sbuħija u tal-moda li jgħid illi uħud minnhom raw ħafna xogħol din il-ġimgħa, wara li ġew rilaxxati l-miżuri.  "Pero' imbagħad hemm min għadu bil-four day week u hemm żoni bħall-Belt Valletta fejn ix-xogħol għadu lura mmens," ikompli jirrimarka.
 Għalhekk l-inċertezza dwar il-futur, il-paga u l-benesseri mentali huma l-akbar sfidi tal-ħaddiem bħalissa - skont is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Il-Profs. Carmel Borg
Il-Profs. Carmel Borg

'Sfruttament li qed isir f’wiċċ kulħadd' - Profs. Carmel Borg

"L-isfidi tal-ħaddiema huma marbuta intimament mar-realtajiet konkreti tax-xogħol tagħhom u mal-pożizzjoni tagħhom fil-katina ekonomika.  Għalhekk, lil hinn mill-kunċett ta’ ħaddiema bħala kategorija waħda, irridu nitkellmu dwar sfidi differenti għal ħaddiema differenti."  Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM il-Professur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta Carmel Borg. 

Huwa qal illi waħda mill-akbar problemi li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema llum, hija l-mentalità li tbiegħdhom mill-possibilità li jidħlu f'unjins u għaqdiet li jirrapreżentaw lill-ħaddiema.  "Is-solidarjetà hija sfida ewlenija f’ekonomija lokali u globali mgħarrfa mill-prinċipji kapitalisti;  sistema ekonomika li dejjem rat kif għamlet, u llum qed jirnexxielha aktar minn qatt qabel,  biex tbiegħed lill-ħaddiema minn xulxin u mill-possibiltà li jissieħbu fi xrieki li jiddefendu l-interessi kollettivi tagħhom.  F’kuntest ta’ antipatija kronika għas-solidarjetà bejn il-ħaddiema, dejjem kont favur is-sħubija awtomatika fix-xrieki tal-ħaddiema," jgħid il-Professur Universitarju.  

Imbagħad idur fuq ix-xogħol prekarju li jsejjaħlu "il-bażi tal-kapitaliżmu selvaġġ."

Huwa jgħid li din hija sfida oħra li qegħdin jiffaċċjaw kategoriji differenti ta’ ħaddiema f’Malta.   "Dawn il-ħaddiema jiffurmaw parti kbira mill-armata dejjem tikber ta’ ‘ħaddiema fqar’, ħaddiema li ma jonfqux flushom fix-xagħar, fid-dwiefer jew fit-tpinġija, kif jaħsbu xi wħud.  Għalihom u għal familthom, kull ġurnata hija battalja kontra l-faqar."  

Carmel Borg saħaq illi l-pandemija kompliet għarrqet il-ħajja ta’ dawn il-ħaddiema għax - skont hu - ħolqot sitwazzjoni ta’ aktar ħaddiema milli xogħol. Xogħol irħas, speċjalment fl-ekonomija informali u nuqqas ta’ xogħol li fi żmien il-boom ekonomiku kien qiegħed jissuplimenta d-dħul bażiku, "għalkemm dejjem miżeru" tal-ħaddiema prekarji.  

"F’din il-faxxa ta’ ħaddiema hemm kemm Maltin kif ukoll barranin. Il-prekarju Malti qiegħed fl-istess dgħajsa tal-prekarju barrani li jaħdem hawn Malta. U hawn fejn is-solidarjetà bejn il-ħaddiema, lil hinn min-nazzjon jew etniċità, hija kruċjali."
Kif għamel ftit ġimgħat ilu fuq din il-gazzetta stess Borg għamel aċċenn partikolari fuq il-ħaddiema tal-pjattaforma li jaħdmu "b'kuntratti dubjużi, xogħol bl-imqieta, ħlas prekarju, u drittijiet bażiċi mhux mħarsa."

Huwa sostna li dan huwa sfruttament "li jsir f’wiċċ kulħadd, bil-barka ta’ min ipoġġi l-profitt qabel id-drittijiet umani, u bl-għarfien ta’ kull min jirċievi s-servizzi tagħhom.  Sfida li aħna lkoll responsabbli għaliha."
Finalment huwa jgħid ukoll li l-faqar ta’ ħiliet fost il-ħaddiema hija sfida oħra ta’ ekonomija bi pretensjonijiet kbar.  "Dan il-faqar isegwi l-falliment fl-edukazzjoni obbligatorja u l-proporzjon kbir ta’ żgħażagħ li m’humiex fl-edukazzjoni jew t-taħriġ.  L-intelliġenza artifiċjali u l-awtomizazzjoni tax-xogħol se jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni tal-ħiliet fil-pajjiż.  Żviluppi li għandhom jinkwetawna, sakemm mhux diġà aċċettajna l-importazzjoni tal-ħaddiema bħala soluzzjoni faċli," itemm jgħid mal-ILLUM Carmel Borg. 

Matthew Borg (AKF)
Matthew Borg (AKF)

'L-akbar sfida tal-ħaddiema hija l-pagi baxxi' - Matthew Borg

"L-akbar sfida tal-ħaddiem hija l-pagi baxxi. Illum il-ġurnata l-ħaddiem f’Malta m’għandux is-serħan il-moħħ bil-Paga Minima Nazzjonali, li hija baxxa kemm f’termini ta’ Unjoni Ewropea u anki f’Malta." Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM Matthew Borg, li jmexxi l-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF). 

Borg staqsa:  "Tista’ tgħix fl-2021 f’Malta jekk ikollok paga ta’ ftit inqas minn €800? Le, imma hija perfettament legali li min iħaddmek jagħtik daqshekk. Mela llum il-ġurnata l-Paga Minima mhijiex hemm biex tipproteġi lill-ħaddiem biex ma jitħallasx inqas minn dak l-ammont, iżda qiegħda hemm biex tagħti l-opportunità ħalli dal-ħaddiem jiġi sfruttat," sostna Borg. 

Huwa qal ma' din il-gazzetta li hawnhekk qed nitkellmu dwar arma legali "li tfarrak il-ħajjiet tan-nies" u li qed isservi ta’ riga biex magħha jitkejlu pagi oħra. 

"It-tieni l-akbar sfida nħoss li hija l-kuntratti illegali u li jisfruttaw lill-ħaddiem," kompla jgħid filwaqt li spjega kif bħala AKF jitkellmu magħhom ħaddiema dwar termini u kundizzjonijiet fil-kuntratt tax-xogħol tagħhom li jkunu sfaċċatament illegali. 

"Il-ħaddiem bosta drabi jkun diġà f’pożizzjoni fraġli - min hu b’saħħtu b’paga ta’ €800? - allura ma jitkellimx ħalli jżomm il-ftit li tawh. B’mod speċjali l-ħaddiema barranin. Hemm bżonn jiġi indirizzat issa l-każ ta’ dawn il-kumpaniji intermedjarji li qed iġibu ħaddiema minn barra biex jaħdmu Malta u joħdulhom nofs il-paga," sostna Matthew Borg. 

"Dawn sabu xaqq fejn jidħlu fin-nofs u qed jagħmlu l-miljuni minn fuq dahar ħaddiema vulnerabbli. M’għandniex bżonnhom għax il-ħaddiem jista’ jkun impjegat direttament mal-kumpanija, u mhux ikollu jwieġeb għal xi ħadd ieħor fin-nofs."

U l-aħħar sfida li jsemmi Borg hija l-idea tat-Trickle Down Economics li jispjega kif taħdem, jiġifieri "jekk irridu li l-ħaddiem titjieblu l-paga mela nagħmlu minn kollox biex l-employer iżid il-profitti bit-tama li xi ħaġa tqattar ’l isfel.  Minkejja li r-rapport tal-Eurofund uriena li l-ġid żdied f’Malta… dan  baqa ’hemm fuq, għand il-ftit.  Trickle-down economics ma taħdimx," asserixxa Borg. 

Huwa temm jgħid li din mhi viżjoni xejn progressiva, "għax is-suq ma jeżistix kieku ma jkunx hemm il-Gvern."   

Wayne Flask, Graffitti
Wayne Flask, Graffitti

'Il-moviment tal-ħaddiema maqsum f'biċċiet' - Wayne Flask

"Il-moviment tal-ħaddiema jinsab maqsum f’biċċiet żgħar. Dan huwa riżultat ta’ ħafna fatturi differenti – mill-kultura individwalista li jippromwovi l-kapitaliżmu, għall-waqgħa tax-xellug bħala forza politika u bħala ideoloġija, u l-influwenza konsumerista tal-midja. Meta l-massa tal-ħaddiema tkun mifruda huwa iżjed faċli għal min għandu l-poter biex imexxi mingħajr xkiel."  

Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM Wayne Flask attivist mal-Moviment Graffitti u opinjonist.  

Huwa qal illi dan in-nuqqas ta’ saħħa kollettiva, għalhekk, iwassal sabiex min iħaddem ikun jista’ jġelled lill-ħaddiema f’tellieqa għall-qiegħ, "għax joħloq kompetizzjoni għal impjiegi mħallsin ħażin u b’kundizzjonijiet atroċi. Ħarsu lejn il-mod kif jitħaddmu ħafna mill-couriers tal-ikel, pereżempju," stieden lill-qarrejja Flask. 

It-tieni problema li jara illi qed jiffaċċja l-ħaddiem illum hija dik relatata mal-kwalità tal-ħajja. 

"Bħala Moviment Graffitti spiss nisħqu fuq dan il-kunċett. Nemmnu li għandek kemm għandek flus fil-but, il-kwalità tal-ħajja tiġi determinata minn fatturi oħrajn – pereżempju, l-ambjent ta’ madwarna, is-serħan il-moħħ, l-istorbju, il-konġestjoni, is-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni." 

Flask sostna li ħafna drabi, dan kollu jintesa għaliex is-sistema ekonomika tbigħ kunċett differenti ta’ kwalità, billi toħloq aspirazzjonijiet iżjed materjalistiċi "bħal pereżempju, il-kċina kbira - fejn jiġi jitkellem miegħek il-Prim Ministru fl-aħħar tas-sena," sostna f'referenza għar-riklam tal-Gvern li fih l-eks PM Joseph Muscat kien għamel il-messaġġ tal-Ewwel tas-Sena min ġo kċina ta' First Time Buyer. 

"Għal eluf ta’ nies, madankollu, hija iżjed utli paga minima deċenti - fid-dawl tal-fatt li l-pagi tagħna huma relattivament baxxi meta mqabbla mal-bqija tal-Ewropa," qal Flask. "Il-ħaddiema f’Malta, allura, xi kwalità tal-ħajja qed igawdu? X’arja jgawdu? Għandhom aċċess għal proprjetà li jaffordjaw? Jistgħu jgawdu btala? Huma kostretti jagħmlu iżjed minn xogħol wieħed?" staqsa Wayne Flask. 

U  finalment huwa jgħid li t-tielet problema hija r-regħba tal-kbarat

"Kultant nisma’ bi stejjer ta’ qsim il-qalb: nies jitilfu arthom mingħajr kumpens u spjegazzjoni, nies imsakkra fi djarhom jibżgħu li se jaqa’ kollox fuqhom, oħrajn li jirċievu theddid minn spekulaturi biex iċedu l-ftit li fadlilhom. Fl-istess nifs, hemm klikek għaddejjin romblu minn fuq ħaddieħor u jistagħnew ma’ kull siegħa li tgħaddi; jagħmlu l-arja ma’ nies li jridu biss jgħixu ħajja kwieta mingħajr għawġ."

Huwa temm jgħid lil din il-gazzetta li sfortunatament, "min hu potenti l-arja ma jagħmilhiex ma’ min hu bħalu, iżda dejjem mal-ħaddiema u ma’ dawk li għandhom l-inqas difiża mill-politika."

More in Politika