'Il-Gvern se jitgħallem mill-iżbalji'; Il-PM jirreaġixxi għar-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratt ta' SVDP

Waqt laqgħa tal-kabinett il-Prim Ministru żvela kif malta dalwaqt se tkun qed tniedi l-istrateġija nazzjonali għall-persuni b’diżabilita

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li kuntratt bħal dak mogħti minn San Vinċenz de Paule u li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal li kiser il-liġi, kellu jkun approvat mill-kabinett.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qiegħed janalizza r-rapport tal-Awditur Ġenerali u “se jitgħallem mill-iżbalji.”

Il-kuntratt ta’ €274 miljun ingħata lil James Caterers u lil DB Group wara li ż-żewġ kumpaniji rebħu tenders separati biex jibnu kċina f’San Vinċenz de Paule.

Madankollu, waqt in-negozjati, dan it-tender inbidel f’direct order biex ikun hemm 500 sodda oħra bħala estensjoni għad-dar.

L-Awditur Ġenerali sab li l-kuntratt ma kienx diskuss mill-kabinett, li ma ntalbitx l-approvazzjoni mill-Ministeru għall-Finanzi u li l-proċess ta’ negozjar kiser il-liġi. Qal ukoll li n-nefqa maqbula kienet ukoll esaġerata.

Minkejja li ammetta dan l-iżball, waqt laqgħa tal-Kabinett li llum saret fil-faċilitajiet tal-Fondazzjoni Ispire, f’Wied il-Għajn, il-Prim Ministru ddefenda l-kuntratt u saħaq li l-540 sodda miżjuda kienu neċessarji biex tinqata’ l-lista tal-istennija.

Dwar l-ispiża, il-Prim Ministru fakkar li s-servizzi offruti minn San Vinċenz de Paule jixbħu aktar lil dawk offruti fi sptar milli dawk offruti fi djar oħra tal-anzjani.

Intant, il-laqgħa tal-kabinett iffukat l-aktar fuq it-tema tas-solidarjetà soċjali, l-anzjani u l-persuni b’diżabilità.

Tul il-laqgħa, ġie diskuss kif Malta dalwaqt se tkun qed tniedi l-istrateġija nazzjonali għall-persuni b’diżabilità, li se tkun qed tassigura li Malta tkun konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda li Malta hija firmatarja tagħha.

Il-Prim Ministru qal li l-istrateġija se tkun qed toffri modi tanġibbli ta’ kif tista’ tiżdied l-inklussività u kif persuni b’diżabbilità jkunu jistgħu jgħixu b’mod aktar indipendenti fil-komunitajiet.

More in Politika