'Gvern alternattiv b'viżjoni'; Il-PN jippreżenta tliet temi u 14-il cluster li fuqhom se jibbaża l-ħidma tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-politika tal-Partit Nazzjonalista se tpoġġi l-ġid komuni fiċ-ċentru tagħha

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech, il-Partit Nazzjonalista nieda t-temi u l-clusters politiċi li se jkunu qed jiddefinixxu l-programm tal-ħidma tiegħu fix-xhur li ġejjin.

Bit-tema ‘Gvern Alternattiv b’Vizjoni bil-Ġid komuni fiċ-Ċentru,” il-Partit Nazzjonalista saħaq li se jkun qed jibbaża l-programm tal-ħidma tiegħu fuq tliet temi orriżontali:

  • Viżjoni Soċjo-Ekonomika Malta 2030
  • Valuri umani f’soċjetà moderna
  • Governanza tajba

Apparti minn hekk, tul il-konferenza ġie spjegat kif dawn it-temi se jkunu qed jaħdmu ma’ 14-il cluster li se jkunu qed jikkontribwixxu biex titfassal il-viżjoni soċjo-ekonomika tal-pajjiż, mibnija fuq il-valuri u l-governanza t-tajba.

Il-clusters huma: 

  • Il-Benessri Soċjali, Il-Kwalità tal-Ħajja u s-Saħħa, L-Ekonomija ta’ Għada, L-Ambjent, L-Infrastruttura u Riżorsi, Is-Sigurtà, Il-Ġustizzja u t-Tisħiħ tad-Demokraziija, Il-Preservazzjoni tas-Sbuħija u l-Identità ta’ Għawdex u aktar Opportunitajiet għall-Għawdxin, It-Tassazzjoni u Dħul Fiskali, Is-Servizz Pubbliku, It-Teknoloġija Avvanzata u Innovazzjoni, is-Soċjetà Mibnija fuq l-Għerf, l-Identità Nazzjonali f’Dinja Globali, Il-Popolazzjoni, l-Integrazzjoni u l-Immigrazzjoni.

Fil-kummenti tiegħu, id-Deputat Claudio Grech, li huwa responsabbli mit-tiġdid tal-politika tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-PN qed jippreżenta din il-viżjoni mhux qabel l-elezzjoni imma minn issa, għax fi kliemu, partit politiku għandu l-obbligu li jinfluwenza d-deċiżjonijiet li jittieħdu u anke joffri alternattiva lill-poplu.

“Qed naqsmu mal-poplu fejn irridu nieħdu lill-pajjiż,” saħaq Claudio Grech.

Insista li dan kollu jiġbor fih 128 prijorità ta’ politika li jiddefinixxu l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista mhux biss issa fl-Oppożizzjoni imma anke bħala Gvern Alternattiv.

Spjega kif fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jibda proċess fejn kull cluster se jkun qed jiltaqa’ mal-midja u l-ġurnalisti biex jippubblika u jispjega l-ħidma u l-prijoritajiet tiegħu.

Saħaq li kollox jiddependi mill-importanza li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti lill-kwalità tal-ħajja, li tfisser mhux biss il-protezzjoni tal-ambjent naturali imma anke li l-pajjiż ikollu politika ta’ xogħol li ma tkunx mibnija “fuq iċ-cheap labour,” fost oħrajn.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista qed jiltaqa’ kuljum ma’ nies minn oqsma differenti u anke ma’ persuni li jkunu għaddejin minn diffikultajiet fil-ħajja tagħhom.

“Hekk, flimkien magħhom, mal-esperti u mad-Deputati u l-Partit, inkunu nistgħu nindirizzaw dik l-isfida u dak il-bżonn. Hekk issir il-politika. Issir il-politika mingħajr ma nħarsu lejn l-uċuh,” insista Grech. 

Saħaq li l-viżjoni tiegħu hija li l-politika tkun imsejsa fuq il-bżonnijiet kollettivi imma anke dawk individwali hu x’inhu t-twemmin jew inkella l-kulur politiku tal-individwu.

“Inwiegħed li dan il-Partit, b’dan il-proċess, b’din id-determinazzjoni, b’dan l-entużjażmu, inkunu verament qed nagħmlu dak li hu meħtieġ, il-politika li lilek terġa’ tixgħellek it-triq biex tasal u twettaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħek,” temm jisħaq il-Kap Nazzjonalista.

Aqra hawn taħt id-dokument li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista:

More in Politika