Illum jitfakkar Jum il-Ħaddiem - Aġġornamenti kontinwi ta' diskorsi u messaġġi

Ħarsa lejn x'qalu u x'awguraw unjins, partiti u persuni llum - f'Jum il-Ħaddiem

Jum il-Ħaddiem
Jum il-Ħaddiem

Illum l-1 ta' Mejju jitfakkar Jum il-Ħaddiem, jum li jfakkar ix-xogħol, il-bżulija u s-sagrifċċji kollha li jagħmlu dawk li mingħajrhom l-ekonomija ma teżistix u ma timxix 'l quddiem.  Il-ħaddiem, jew l-impjegat - għax illum hawn min jiddejjaq juża l-kelma ħaddiema - jinsab, kif kien dejjem - taħt it-theddida tal-abbuż, il-prekarjat u pagi baxxi - minkejja passi kbar 'l quddiem li seħħew fil-qasam tad-drittijiet mit-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. 

Għada il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa qasira lejn dan il-jum hekk importanti permezz ta' intervisti żgħar ma' persuni differenti li huma qrib il-ħaddiem jew li jistudjaw u janalizzaw dan il-qasam. 

Intant dawn huma uħud mill-messaġġi li qed jgħaddu diversi nies biex ifakkru dan il-jum:

Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU
Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Grazzi Ħaddiem - Josef Bugeja Segretarju Ġenerali GWU

Josef Bugeja sostna li hekk kif għaddejja l-pandemija tal-Covid-19 il-ħaddiema kollha għal darba oħra ntalbu jagħmlu sagrifiċċju biex isalvaw il-post tax-xogħol tagħhom u ta’ sħabhom. "Il-pajjiż għandu bżonn lill-ħaddiema avolja taħt pandemija.  U l-ħaddiem sema’ s-sejħa tal-pajjiż u reġa’ qam għall-okkażjoni. Diversi ħaddiema ħadmu bla heda biex is-servizzi essenzjali jibqgħu għaddejjin. Ħaddiema oħra raw tnaqqis fid-dħul tagħhom. Oħrajn intalbu ma joħorġux mid-dar. Kollha kienu inkwetati kemm fuq l-aspett mediku kif ukoll fuq l-aspett ekonomiku tagħhom. Fil-fatt matul din is-sena rajna żieda qawwija f’ansjetà, stress u inkwiet ta’ ser jiġri għada. Rajna ħaddiema li marru oltre dak mitlub minnhom biex ma jintilfux l-impjiegi."

Huwa wiegħed li hekk kif qed jidher l-ewwel xaqq ta' dawl, "mhux talli ser naraw li dak miksub ma jintilifx imma ħa naraw li d-dinja tax-xogħol il-ġdida tirrispetta d-drittijiet u d-dinjità tal-ħaddiema."

'L-Inugwaljanza fil-pagi, id-differenza fil-paga bejn is-sessi, u l-prekarjat ghandhom jkunu fuq l-aġenda nazzjonali' - Żminijietna, Leħen ix-Xellug

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, l-organizzazzjoni Xellugija Żminijietna appellat lill-Gvern biex jindirizza l-inugwaljanza fil-pagi, id-differenza fil-paga bejn is-sessi u l-prekarjat.

Żminijietna żiedet tgħid li "l-Gvern għandu mill-aktar fis jinforza l-liġi li tiżgura li ħaddiema barranin jiġu trattati b'dinjità. Min-naħa l-oħra, nilqgħu b’sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern li jkompli jassisti lill-ħaddiema ‘bis-suppliment fil-paga' ".

Fir-rigward tal-prekarjat Żmijietna ħeġġet lilll-Gvern jindirizza l-abbużi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema li joffru servizz ta’ ‘food couriers'. "Dawn il-ħaddiema għandhom jiġu rreġistrati bħala impjegati b’impjieg fiss. Fis-sitwazzjoni preżenti dawn il-ħaddiema qed jiġu miċħuda mid-dritt li jissieħbu f’unjin, id-dritt għal-leave, leave tal-mard u kundizzjonijiet oħra tax-xogħol ".

Barra minn hekk, Zminijietna hi tal-fehma li l-Gvern jista' jagħmel aktar f’dan ir-rigward billi jinċentiva lil min iħaddem biex jimpjega ħaddiema b’kuntratt fit-tul, aktar milli b’xogħol temporanju. L-istrateġija Nazzjonali għal Ekonomija l-Ħadra wkoll għanda tkun ibbażata fuq kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti".

"Kwistjoni oħra importanti, li teħtieġ riforma hija sabiex jiġi żgurat li r-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jiġu nfurzati. Jidher li l-industrija tal-kostruzzjoni mhix mgħammra sew biex tassigura dan."

Barra minn hekk, Żminijietna "tibqa’ ssostni l-pożizzjoni tagħha favur żieda fil-paga minima nazzjonali statutorja".

Il-PM Robert Abela jiltaqa' mal-ħaddiema
Il-PM Robert Abela jiltaqa' mal-ħaddiema
Il-PM jiltaqa' mal-ħaddiema
Il-PM jiltaqa' mal-ħaddiema

'Minflok iltaqgħu f'xi pjazza, qed niġi nżurhom jiena' - Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qed iqatta' l-jum jiltaqa' ma' ħaddiema diversi madwar il-pajjiż.  Fl-ewwel messaġġ tiegħu fuq Facebook huwa qal illi fejn s-soltu l-ħaddiema kienu jiltaqgħu fi pjazza, illum qed iżurhom hu.  L-ewwel ritratt juri lil Abela ma' ħaddiema ta' San Vinċenz De Paule. Huwa żar ukoll il-kumpanija Baxter u l-Wasteserv, fost oħrajn. 

Iktar tard, Abela waqt konferenza flimkien mad-Deputat PM Chris Fearne, qal illi Malta żammet soda minkejja d-diffikultajiet "grazzi għall-ħaddiema u negozji sodi."

 "Fl-aħħar jiem erġajna ħabbarna 20 miljun f'għajnuna għan-negozji, ħarġu l-applikazzjonijiet biex insewwu l-inġustizzji tal-passat, ħabbarna ftehim kollettiv ġdid għal aktar ħaddiema, neħħejna aktar piżijiet billi ssospendejna l-liċenzji u kontribuzzjonijiet tal-MTA għal din is-sena, aktar kumpaniji qed iħaddmu u aħna qed ninvestu fiż-żoni industrijali."

Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni
Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni

Abela qal illi pajjiżna żamm il-qgħad taħt kontroll, biex illum huwa fost l-inqas fl-UE. 

"Aħna l-partit tal-ħaddiem ... għalhekk niċċelebraw dan il-jum bi kburija," qal il-PM u Mexxej Laburista, 

'Jeħtieġ li b’mod kollettiv neżaminaw l-isfidi li l-ħaddiema ffaċċjaw' - Kap tal-PN, Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar illi din is-sena kienet waħda diffiċli hafna fid-dawl tal-pandemija tal COVID u l-impatt varja fuq il-ħaddiema skont is-settur li ġejjin minnu. "Mill-frontliners tagħna, l-ħaddiema tal-manifattura, dawk li jaħdmu fl-industrija tal-ospitalita’ u t-turiżmu, dawk tal-ħwienet, il-bdiewa, dawk kollha li jaħdmu fis-settur tal-edukazzjoni, dawk fil-midja u d-divertiment, l-artisti dawk li jaħdmu fis-servizzi u ħafna xogħlijiet oħra. Ilkoll ġejtu affettwati, min b’mod u min b’mod ieħor. Imma madankollu b’xi mod rnexxilkom tkomplu għaddejjin." sostna Grech.

Huwa sostna li huwa fundamentali wkoll li l-ħaddiema jitħarrġu għall-ħiliet li pajjiżna għandu bżonn u li jingħataw l-opportunita’ li jagħmlu progress fil-karriera tagħhom permezz ta’ taħriġ speċifiku sabiex huma jibqgħu jissaħħu. 

"Barra minn hekk dawn iż-żminijiet inċerti kellhom impatt ukoll fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema. Jeħtieġ għalhekk li b’mod kollettiv neżaminaw l-isfidi li l-ħaddiema ffaċċjaw, il-lezzjonijiet li tgħallimna u x'jista’ u x’għandu jsir 'il quddiem." temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. 

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Politika