Malta u l-Portugall bl-akbar tnaqqis fi spezzjonijiet ta' sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol

Riċerka tal-ETUC turi tnaqqis qawwi ta' 55% fl-ispezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol f'pajjiżna mill-2010

Il-Konfederazzjoni tal-Trade Unions Ewropej (ETUC) ippubblikat ċifri li juru illi Malta flimkien mal-Portugall esperjenzat l-akbar tnaqqis fin-nurmu ta' spezzjonijiet ta' sigurtà fuq il-post tax-xogħol mill-2010 - bit-tnaqqis fil-fatt ikun reġistrat madwar l-UE kollha fejn in-numru ta' spezzjonijiet niżel minn 2.2 miljun għal 1.7 miljun, mis-sena 2010.

F'Malta it-tnaqqis kien ta' 55%, daqs il-Portugal filwaqt li pajjiżi oħrajn fejn kien esperjenzat tnaqqis huma Ċipru (-38%), ir-Rumainja (-37%) u l-Kroazja (-35%).  Dan meta it-tnaqqis medju madwar l-UE, skont riċerka tal-istess ETUC, kienet  ta' -18%.

Fil-Ġermanja waħedha ġew irreġistrati 232,000 spezzjoni inqas fl-2018 meta mqabbel mal-2010. 

Ħafna mill-madwar miljun vittma tal-Covid-19 fl-Ewropa mietu wara li ħadu l-virus fuq il-post tax-xogħol, b'aktar minn 100,000 persuna tmut kuljum minn mard bħal kanċer relatat max-xogħol jew inkella inċidenti relatati mal-post tax-xogħol. 

L-ETUC tgħid illi t-tnaqqis fl-ispezzjonijiet fl-aħħar 10 snin ħallew il-postijiet tax-xogħol inqas preparati għall-pandemija, li allura affetwat l-aktar lill-ħaddiema l-aktar vulnerabbli bħan-nisa, żgħażagħ u immigranti. 

Għalhekk il-Konfederazzjoni qed tappella biex il-Covid-19 tkun rikonoxxuta bħala marda relatata wkoll max-xogħol u li għandu allura jkun hemm infurzar sħiħ tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà, permezz ta' aktar spezzjonijiet u aktar protezzjoni. 

Nhar is-Sibt li ġej l-1 ta' Mejju, id-dinja tiċċelebra Jum il-Ħaddiem. 

More in Politika