Raġel jitressaq il-Qorti akkużat li għen numri ta' persuni biex jidħlu Malta illegalment

Il-każ seħħ fid-19 ta' Frar li għadda fejn irriżulta li r-raġel kien wieħed mill-istess persuni li ġew arrestati dakinhar 

L-irġiel arrestati ftit wara li daħlu Malta
L-irġiel arrestati ftit wara li daħlu Malta

Eġizzjan ta’ 34 sena, tressaq il-Qorti akkużat li għen numru ta’ persuni sabiex jiddaħħlu Malta illegalment. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni, jirriżulta li l-Eġizzjan kien ukoll strumentali sabiex isir il-vjaġġ bejn il-Libja u Malta.

Il-każ seħħ nhar id-19 ta’ Frar,2021, meta l-Pulizija ġiet infurmata li fl-inħawi ta’ bejn Wied iż- Żurrieq u Għar Lapsi, kien hemm grupp ta’ persuni, aktarx immigranti.

Il-pulizija marru mill-ewwel fuq il-post, fejn sabu tmint irġiel. L-immigranti ddaħlu Malta permezz ta’ speed boat mil-Libja, liema speed boat instabet abbandunata xi jiem wara.

Il-Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni komplew bl-investigazzjonijiet u minn iżjed stħarriġ irriżulta li l-Eġizzjan ta’ 34 sena kien saq l-ispeed boat u anke kien fost it-tmint irġiel li ġew arrestati dakinhar stess.

L-Eġizzjan wieġeb mhux ħati u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa mill-Ispettur Karl Roberts.

L-ispeed boat li kienu daħlu biha l-immigranti
L-ispeed boat li kienu daħlu biha l-immigranti

More in Politika