Intervista | ‘L-impatt tal-pandemija kien enormi iżda rnexxielna nżommu magħna l-ħaddiema kollha’

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Norman Aquilina, Kap Eżekuttiv ta’ Simonds Farsons Cisk, il-kumpanija wara ċ-Cisk u l-Kinnie li saru parti mill-identità tal-pajjiż. Nitkellmu dwar l-effett tal-pandemija iżda mhux biss. X’jagħmel dawn iż-żewġ xarbiet daqshekk popolari? Jesportaw barra mill-pajjiż? Flixkun birra kemm jieħu żmien biex isir? X’jagħmlu aktar barra Cisk u Kinnie? Se naraw prodotti ġodda?

Norman Aquilina - CEO Farsons Group
Norman Aquilina - CEO Farsons Group

Is-sajf jinsab wara l-bieb u x’hemm isbaħ minn flixkun Cisk jew tazza Kinnie kiesħa silġ ħdejn il-baħar jew waqt xi BBQ? Se ssibhom f’kull attività minn xi festival ta’ eluf, għal party bejn il-familja. Żewġ xarbiet li saru parti mill-identità tagħna. Ħallina niftaħru li birra bħal tagħna ma ssibx u ngħiduha kif inhi, it-turisti ma tantx imeruna. Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM ltaqgħet ma’ Norman Aquilina, il-Kap Eżekuttiv ta’ Simonds Farsons Cisk, il-kumpanija wara dawn iż-żewġ xarbiet Maltin.

Ejja nimxu pass pass. L-ILLUM tibda tistaqsi lil Aquilina dwar din il-kumpanija u l-istorja warajha. Aquilina beda jispjega kif il-kumpanija Farsons twaqqfet fl-1928 u sena wara ngħaqdet ma’ Simonds, birrerija li kienet isservi lis-servizzi Ingliżi u fl-1948 ngħaqdu maċ-Cisk. Għalhekk illum il-kumpanija tissejjaħ Simonds Farsons Cisk, anke jekk mal-Maltin hija magħrufa bħala Farsons. 

“Għandna storja ta’ 93 sena. Għaddejna minn ħafna sfidi, opportunitajiet u bidliet. Illum għandna preżenza tajba ħafna fis-suq lokali imma mhux biss għax qed nagħmlu passi biex ikollna preżenza anke barra minn xtutna,” insista Aquilina.

Ma nafx intom imma jiena l-ewwel ħaġa li tiġini f’moħħi meta nisma’ l-kelma Farsons huma ċ-Cisk u l-Kinnie, iż-żewġ marki li taw isem lil din il-kumpanija. Il-Kap Eżekuttiv spjega kif iċ-Cisk bdiet fl-1929, jiġifieri sena wara li twaqqfet Farsons. Il-Kinnie bdiet fl-1952, jiġifieri s-sena d-dieħla tagħlaq 70 sena.

“Iċ-Cisk u l-Kinnie mhumiex biss prodotti imma kważi kważi huma parti mill-kultura,” qal b’wiċċu minn quddiem Aquilina. “Anke Maltin li ilhom jgħixu barra minn xtutna għadhom jiftaħru u jfittxu dawn ix-xarbiet.”

Komplejna nitkellmu dwar il-kumpanija, b’Aquilina jispjega kif illum din timpjega ftit inqas minn elf ruħ li terz minnhom huma nisa, waqt li fakkar li aktar minn kumpanija, Simonds Farsons Cisk huwa grupp. Fil-fatt dan il-grupp jinkludi lil: Farsons Brewers and Bottlers, FBIC Beverage Importers, Farsons Direct (stabbiliment imdaqqas għall-bejgħ ta’ prodotti u wine tasting fost oħrajn), EcoPure Beverage Services, Quintano Food Imports u Food Chain Restaurants (li jinkludu l-Pizza Hut, il-Burger King u l-KFC).

Imma Farsons mhijiex Cisk u Kinnie biss

Semmejna ħafna ċ-Cisk u l-Kinnie u se nibqgħu nagħmlu referenza għalihom imma kif wieħed jista’ jinduna mill-kumpaniji li jifformaw dan il-grupp, Simonds Farsons Cisk ma tiqafx ma’ dawn ix-xarbiet biss. Fil-fatt, il-Kap Eżekuttiv spjega kif huma ilhom ‘il fuq minn 40 sena bottiljaturi tal-Pepsi u anke birriera tal-Carlsberg. 

“Jiġifieri aħna mhux nipproduċu l-prodotti tagħna biss imma anke ta’ marki internazzjonali. Aħna kburin ħafna b’dan għax ifisser ukoll li l-istandards tagħna jridu jkunu ta’ livell internazzjonali. Fil-fatt l-impjant tagħna kollu kemm hu jiġi awditjat kull sena biex ikun assigurat li l-istandards huma ta’ livell neċessarju,” kompla Aquilina. “L-istorja wrietna li parti mis-suċċess ta’ Farsons fuq kwalunkwe prodott hija riflessjoni fil-ħiliet tal-ħaddiema li tissarraf f’konsistenza fil-kwalità. Dejjem tajna importanza enormi li nkunu konsistenti fil-kwalità.”

Kien hawn li l-Kap Eżekuttiv ftaħar dwar il-fatt li ċ-Cisk, kull meta tikkompeti fuq livell internazzjonali, tkun mar-rebbieħa. “Isiru diversi kompetizzjonijiet u rbaħna diversi midalji,” kompla jisħaq.

Cisk, Excel, Chill u issa birra bla alkoħol...

Minn żmien għal żmien rajna ħafna varjazzjonijiet taċ-Cisk, mill-Excel, għaċ-Chill Lemon jew Berry u issa anke ċ-Cisk bla alkoħol. L-ILLUM tistaqsi lill-Kap Eżekuttiv kif jinbtu dawn l-ideat u kif jirnexxielhom jibqgħu joħorġu b’varjazzjonijiet differenti. Aquilina saħaq li l-akbar sfida għal kwalunkwe marka hija li tibqa’ relevanti u tissodisfa d-domanda min-naħa tal-konsumatur. 

Jiġifieri aħna mhux nipproduċu l-prodotti tagħna biss imma anke ta’ marki internazzjonali. Aħna kburin ħafna b’dan għax ifisser ukoll li l-istandards tagħna jridu jkunu ta’ livell internazzjonali

“L-importanti li qed tiżviluppa l-prodott li jixtieq il-konsumatur u żżomm dik il-kwalità li dejjem jixtieq,” insista. Fakkar ukoll li Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004 u s-suq ġie lliberalizzat ftit wara. “Ifisser li llum iċ-Cisk qed tikkompeti ma’ ħafna marki internazzjonali u ta’ livell globali mingħajr l-ebda forma ta’ protezzjoni.”

Insista li minkejja dan kollu, meta l-konsumatur jiġi biex jagħżel, jidher biċ-ċar li ċ-Cisk baqgħet il-birra favorita tal-Maltin imma popolari wkoll mat-turisti.

“Il-fatt li aħna gżira żgħira fil-Mediterran, ħafna turisti mhux neċessarjament jippretendu li se jsibu xi marki lokali ta’ birra. Jidher ċar li fost it-turisti li jkunu jridu togħma tal-prodotti lokali, iċ-Cisk huwa wieħed milll-prodotti ewlenin,” saħaq Aquilina. “Għalina importanti li l-marka taċ-Cisk, tal-Kinnie u kwalunkwe marka oħra trid tibqa’ sensittiva għal dak li jrid il-konsumatur, tibqa’ relevanti u tinvesti biex il-prodott ikun aġġornat għaż-żminijiet tal-lum.”

‘Nibqgħu sensittivi għall-eżiġenzi tal-konsumatur...’

L-ILLUM tistaqsih jekk dan ifissirx li jsiru studji jew sondaġġi fost il-klijenti jew inkella jiddependux biss minn dak li jkun qed jiġri barra minn Malta. Il-Kap Eżekuttiv saħaq li l-kumpanija kontinwament tistudja dak li jiżviluppa fis-swieq oħra, iżda saħaq li ma jfissirx li dak li jsir f’pajjiż se jsir f’ieħor. 

“Importanti li nżommu mal-polz. Ir-riċerka hija kontinwa mhux biss fejn jidħlu prodotti imma anke riċerka dwar ix-xejriet tal-konsum biex dejjem nibqgħu sensittivi u nindirizzaw l-eżiġenzi tal-konsumatur,” kompla jispjega.

Il-pandemija u Farsons: X’kien l-akbar impatt?

Ma stajnix ma nistaqsux lill-Kap Eżekuttiv dwar l-effett li l-pandemija ħalliet, anke għax ħafna mill-prodotti tagħhom jiddependu wkoll minn dawk is-setturi l-agħar milquta mill-pandemija fosthom dak turistiku, tal-ospitalità u tad-divertiment.

“L-effett kien enormi fuq livell nazzjonali imma anke fuq il-livell ta’ Farsons kien sinifikanti ħafna,” insista Aquilina. “Aħna mhux nissuplixxu biss il-prodott għall-konsum fost il-Maltin imma anke għat-turisti, għar-ristoranti u l-festi. Parti sostanzjali mis-suq mhux qed jopera. 

Għalhekk, filwaqt li tenna li l-impatt kien enormi u ġab miegħu ħafna sfidi, insista li ġab miegħu wkoll opportunitajiet, fosthom fejn jidħol l-użu tat-teknoloġija u anke biex wieħed jiżviluppa mudell ta’ negozju li jkun aktar effiċjenti u sostenibbli. 

Żammew lill-ħaddiema kollha?

L-ILLUM staqsietu wkoll dwar il-ħaddiema, bil-Kap Eżekuttiv jisħaq li d-deċiżjoni kienet mill-bidu nett li ma jitnaqqsux ħaddiema. 

“Żammejna l-istess ħaddiema iżda addattajna x-xogħol għaż-żminijiet. Kien hemm ġranet fejn ħdimna inqas mis-soltu. Irrid nenfasizza wkoll li ħadna l-miżuri neċessarji biex inrażżnu ċertu nfieq, anke fosthom ċertu proġetti li ġew posposti, imma fl-aħħar mill-aħħar irrid ngħid li indirizzajna dawn l-isfidi bi sforz kollettiv u bil-kollaborazzjoni tal-ħaddiema. Il-ħaddiema fehmu li din mhijiex problema ta’ Farsons imma tal-pajjiż. Bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd sibna bilanċ ta’ kontinwità f’ċirkostanzi li kienu diffiċli,” insista.

L-ILLUM tistaqsih jekk hemmx qasam jew inkella attività partikolari li t-twaqqif tagħhom ħalla effett akbar fuq il-kumpanija. It-turiżmu, il-parties, il-festi? 

Aquilina insista li l-akbar impatt bla dubju kien in-nuqqas ta’ turiżmu. Fakkar kif it-turiżmu kien qabad ritmu tajjeb ħafna u l-kontribut tiegħu fuq l-ekonomija huwa qawwi ħafna. 

“Il-festi, l-għeluq tal-każini, il-bars u r-ristoranti kollha kellhom effett. Imma n-nuqqas ta’ turisti kellu l-impatt prinċipali,” kompla jispjega.

Normalment liema hu l-akbar perjodu impenjattiv?

Mistoqsi meta jkun l-aktar perjodu impenjattiv, fejn jidħol il-bejgħ, f’sena mingħajr pandemija, Aquilina spjega kif Lulju u Awwissu huma l-aktar xhur importanti.

“Għandek sa Santa Marija u wara ftit ftit jerġa’ jibda jonqos. Is-sajf jibqa’ l-aktar importanti,” insista Aquilina.

Il-festi, l-għeluq tal-każini, il-bars u r-ristoranti kollha kellhom effett. Imma n-nuqqas ta’ turisti kellu l-impatt prinċipali

Mistoqsi dwar l-impatt finanzjarju, il-Kap Eżekuttiv saħaq li s-sena finanzjarja tagħlaq f’Jannar u għalhekk bħalissa jkun għadu qed isir l-awditjar. Madanakollu, fl-aħħar kontijiet tal-verifika li ġew ippubblikati, għas-sena 2019/2020, il-kumpanija rreġistrat dħul ta’ €103 miljun.

Fakkar li bħala Public Listed Company huma obbligati li jippubblikaw din l-informazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.

Iċ-Cisk u l-Kinnie barra minn Malta: Popolari?

Erġajna lura fuq il-prodotti, bl-ILLUM tistaqsi lill-Kap Eżekuttiv x’jagħmel il-birra ta’ Farsons daqshekk popolari mal-Maltin. Filwaqt li saħaq li l-isem huwa importanti, il-kwalità u l-konsistenza jibqgħu l-ingredjenti l-aktar importanti għas-suċċess taċ-Cisk.

“Is-sigriet huwa li jkollok prodott li jissodisfa lill-konsumatur b’mod konsistenti,” saħaq Aquilina waqt li insista wkoll li saru investimenti kbar biex illum l-impjant huwa mgħammar bl-aqwa teknoloġija.

Dan għen lill-kumpanija biex ma tibqax tħares biss lejn is-suq lokali, imma anke lejn swieq internazzjonali. Fil-fatt spjega kif illum jesportaw iċ-Cisk u anke l-Kinnie f’diversi pajjiżi Ewropew u lilhinn.

“Is-swieq prinċipali tagħna huma l-Italja, l-Ingilterra u l-Polonja. Jekk immorru lilhinn mill-Ewropa, illum għandna preżenza fil-Lvant Nofsani, fil-Kanada, fil-Korea ta’ Isfel u anke fl-Awstralja,” spjega.

Fil-każ tal-Awstralja, spjega l-Kap Eżekuttiv, il-Kinnie mhux sempliċiment ikun esportat, iżda saħansitra l-produzzjoni tiegħu ssir hemm stess. 

“Il-viżjoni tagħna hija li nkomplu nwessgħu l-preżenza tagħna mhux f’Malta biss imma anke barra minn xtutna. Irridu nkabbru l-preżenza tagħna fi swieq internazzjonali fejn il-prodotti tagħna qed jibdew, tista’ tgħid, mill-ġdid,” kompla jispjega waqt li fakkar li jekk fil-kuntest lokali Farsons huwa stabbiliment pjuttost kbir, ħdejn birreriji oħra barra minn Malta pjuttost huwa żgħir.

Anke hawn il-pandemija ħalliet l-effett tagħha mhux biss fuq l-esportazzjoni imma anke fuq l-importazzjoni ta’ materja prima. 

Kemm jipproduċu Cisk kull sena? Flixkun birra kemm idum biex isir?

L-ILLUM staqsiet lill-Kap Eżekuttiv ftit kurżitajiet, fosthom kemm jipproduċu bottijiet taċ-Cisk kull sena. Minħabba li n-numri huma kummerċjalment sensittivi, Aquilina ma setax jgħidilna bl-eżatt, iżda insista li l-kumpanija kontinwament tkejjel il-produzzjoni tagħha, kemm qed tipproduċi, kemm qed tbigħ, fejn qed tbigħ u kemm qed tesporta.

“Aħna nibqgħu nagħmlu dak li nistgħu biex inżidu l-bejgħ tal-prodotti tagħna, dejjem b’mod responsabbli għax aħna sensittivi wkoll biex mhux inkejlu biss ir-riżultati fuq livell finanzjarju, imma anke f’kuntest ambjentali u soċjali,” saħaq. “Din hija r-realtà tas-swieq tal-lum fejn qed tingħata ħafna importanza li jkollna ekonomija sostenibbli.”

Għandhom proġetti oħra għall-futur? Se naraw xi varjazzjoni oħra taċ-Cisk jew inkella tal-Kinnie? Insista li waħda mill-fatturi li l-pandemija tat hija li l-kumpanija kellha aktar żmien fuq idha biex tiżviluppa l-ideat u prodotti ġodda.

“Diġà nedejna ċ-Cisk bla alkoħol u iva hemm prodotti oħra,” saħaq. “Għandna tim apposta li kontinwament jesperimenta u nistudjaw it-tendenzi li qed jiżviluppaw fi swieq internazzjonali u r-riċerka fuq il-preferenzi tal-konsumaturi. Aħna rridu dejjem inkunu kapaċi nirrispondu biex il-marka nżommuha ħajja u inovattiva.”

Flixkun wieħed birra kemm jieħu żmien biex ikun prodott? Norman Aquilina spjega kif hawn min jieħu l-impressjoni li biex tipproduċi l-birra, il-proċess huwa sempliċi iżda saħaq li dan mhux il-każ għax jinkludi diversi stadji.

Il-birra hija prodott ħaj li jirrikjedi l-ħin tiegħu biex l-ingredjenti jiffermentaw u joħroġ il-kwalità u l-prodott li mixtieq

Qal li minn meta jibda l-proċess tal-brewing sakemm iċ-Cisk ikun ippakkjat u jitlaq minn Farsons, jgħaddi bejn wieħed u ieħor xahar. 

“Il-birra hija prodott ħaj li jirrikjedi l-ħin tiegħu biex l-ingredjenti jiffermentaw u joħroġ il-kwalità u l-prodott li mixtieq,” kompla jispjega.

Iċ-Cisk għandha 93 sena. Minn dak iż-żmien ‘l hawn inbidel xi ħaġa fiha? Aquilina saħaq li essenzjalment l-ingredjenti jibqgħu l-istess. Madanakollu fakkar li fil-birrerija l-antika li nbniet fl-1948, il-proċess kien manwali, filwaqt li llum il-birrerija hija kompletament awtomatika.

“Daħal l-element ta’ teknoloġija imma l-proċess u ż-żmien li l-birra tirrikjedi biex issir, baqa’ l-istess,” kompla jisħaq.

‘Kompetizzjoni kbira imma investejna’

L-ILLUM tistaqsi lill-Kap Eżekuttiv kif il-kumpanija jirnexxielha żżomm saqajha mal-art anke meta tqis li kważi kważi għandna monopolju għax il-preżenza taċ-Cisk u l-Kinnie fis-suq lokali hija b’saħħitha immens. Filwaqt li rrikonoxxa li huwa minnu li l-marki huma popolari mmens, fl-istess ħin qed jikkompetu ma’ marki internazzjonali li għandhom ir-riżorsi, l-isem u preżenza.

“Il-kompetizzjoni hija ħarxa. Ma jfissirx li għax għandna preżenza qawwija fis-suq ma hemmx sfidi kompetittivi, anzi dawn huma enormi u kontinwament naraw kif se nżommu l-pożizzjoni tagħna. Qed nikkompetu ma’ birreriji li huma ħafna akbar minnha u għandhom ħafna aktar riżorsi,” tenna. 

Kompla jispjega li l-kumpanija kienet lesta għal dawn l-isfidi għax ippreparat lilhna nnifisha, għamlet l-investimenti neċessarji, ħarrġet lill-ħaddiema u llum qed jirnexxielha tikkompeti.

Tkellimna wkoll dwar il-proġetti li l-kumpanija qed taħdem fuqhom, b’mod partikolari x-xogħol li għaddej bħalissa fuq il-birrerija l-antika. Kull min jgħaddi mill-Imrieħel jista’ jinnota dan ix-xogħol.

Xi proġetti qed jaħdmu fuqhom?

Il-Kap Eżekuttiv beda jispjega li tul dawn l-aħħar 10 snin il-kumpanija għamlet investimenti kbar. Saħaq li minħabba l-pandemija kien hemm xi proġetti li kellhom jiġu posposti, iżda l-proġett fuq il-birrerija l-antika baqa’ għaddej.

Il-pandemija għallmitna ħafna affarijiet u żgur li mhux nippretendu li l-affarijiet se jkunu normali għal kollox. Se tkun xi ħaġa gradwali. Is-suq xi ftit jew wisq inbidel u rridu naddattaw

Il-ħsieb huwa li din il-birrerija tinbidel f’ċentru għall-viżitaturi, li se jirrifletti wkoll l-istorja tal-kumpanija iżda mhux biss. Fl-istess binja se jkun hemm ukoll birrerija żgħira li tista’ tipproduċi birer fuq volumi żgħar, biex ikunu jistgħu jsiru esperimenti fuq prodotti ġodda u għalhekk jipprovdi flessibilità għal proġetti u l-innovazzjoni.

Pożittivi dwar is-sajf li ġej?

Fl-aħħarnett, hekk kif it-tama hi li r-restrizzjonijiet jibqgħu jonqsu u ma jerġgħux jiżdiedu, l-ILLUM staqsiet lill-Kap Eżekuttiv kif qed iħarsu lejn dan is-sajf u jekk bdewx jaħsbu għalih.

Aquilina saħaq li l-kumpanija hija ħerqana li tara s-suq juinfetaħ imma daqstant ferħana biex tara l-pandemija warajna u għalhekk qal li wieħed irid ikun sensittiv għas-saħħa tal-ħaddiema u l-poplu.

Madanakollu, hekk kif wieħed jittama li anke t-turiżmu jibda jirkupra, il-Kap Eżekuttiv saħaq li l-kumpanija hija ppreparata biex taqbad ir-rankatura biex tkompli minn fejn ħalliet.

“Il-pandemija għallmitna ħafna affarijiet u żgur li mhux nippretendu li l-affarijiet se jkunu normali għal kollox. Se tkun xi ħaġa gradwali. Is-suq xi ftit jew wisq inbidel u rridu naddattaw,” temm jisħaq.

More in Politika