Filmat | Titwaqqaf l-Aġenzija li se toffri appoġġ psikoloġiku u legali lill-vittmi ta' reati kriminali

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li għal ħafna snin il-vittmi tal-kriminalità kienu jħossuhom minsijin hekk kif ma kinux konxji tal-proċeduri u tad-drittijiet tagħhom. Bit-twaqqif ta’ din l-aġenzija, il-vittmi se jkunu qed jingħataw il-prijorità mistħoqqa

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ħabbar it-twaqqif tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità (Victim Support Agency).

Wieħed mill-għanijiet ta’ din l-aġenzija hu li servizzi li diġà jkunu pprovduti minn entitajiet li jagħmlu parti minn dan il-ministeru jingħaqdu taħt saqaf wieħed u iktar minn hekk jiżdiedu u jissaħħu.

Il-Ministru Byron Camilleri spjega li għal ħafna snin il-vittmi tal-kriminalità kienu jħossuhom minsijin hekk kif ma kinux konxji tal-proċeduri u tad-drittijiet tagħhom. Bit-twaqqif ta’ din l-aġenzija, il-vittmi se jkunu qed jingħataw il-prijorità mistħoqqa.

“Huwa fid-dmir tagħna li nassiguraw li ma nonqsux lill-vittma u li vittma ma tkunx vittma darbtejn. Jeħtieġ li l-vittma nagħtuha l-appoġġ kollu neċessarju wara dak li tkun ġarrbet. Konvint li l-Aġenzija se tagħmel id-differenza li tant kienu ilhom jistennew”, qal il-Ministru Camilleri.  

Il-Ministru spjega li din l-aġenzija trid taħdem fil-qrib mal-għaqdiet mhux governattivi u ma’ aġenziji oħra tal-gvern li diġà joffru servizzi importanti. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, is-Sur Brian Farrugia, semma sensiela ta’ servizzi li se tkun qed toffri l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità permezz ta’ tim multidixxiplinari. Dan se jinkludi għajnuna psikoloġika, pariri legali mill-avukat tal-aġenzija, pjan ta’ kura għall-vittmi, filwaqt li fejn hemm bżonn uffiċjali tal-aġenzija se jakkumpanjawhom il-Qorti.

Il-vittmi se jkunu infurmati wkoll meta l-aggressur tagħhom ikun wasal biex joħroġ mill-ħabs. 

More in Politika