Covid-19: Il-każi fl-ITU jinżlu għal disa' u l-ebda pazjenti bil-virus fl-ITU ta' Għawdex

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci tgħid li l-awtoritajiet iridu jistudjaw l-impatt ta' kull pass li jittieħed

Meta kienet qed titkellem illum waqt konferenza tal-aħbarijiet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret illi n-numru ta' persuni li jinsabu l-ITU minħabba l-Covid-19 issa niżel għal disa', filwaqt illi ma hemm ebda pazjenti bil-Covid-19 fl-ITU ta' Għawdex. 

Gauci qalet ukoll li hemm tmienja minn nies fl-Infectuous Diseases Unit ta' Mater Dei, 21 persuna f'wards oħrajn f'Mater Dei, persuna fl-Isptar ta' Għawdex, disa' fl-Isptar Boffa, 11 fl-Isptar Karin Grech, l-ebda persuna fl-Isptar Good Samaritan u persuna fl-Isptar Mount Carmel. 

Hija qalet illi l-awtoritajiet se jħabbru ftuħ ta' aktar negozji - primarjament ir-ristoranti -  ladarba jsir l-assessjar tas-sitwazzjoni wara li fis-26 ta' April se jiftħu eluf ta' ħwienet li joffru servizzi jew ibiegħu oġġetti mhux essenzjali.  Hija qalet fil-fatt li fiż-żmien li ġej mistennijin joħorġu wkoll l-istandards għal dawk il-ħwienet li se jiftħu ġimgħa u nofs oħra.  "Aħna rridu naraw l-impatt ta' kull miżura li nagħmlu," saħqet Gauci.

Dwar l-isports organizzat u gyms, Gauci qalet illi filwaqt li huwa importanti li persuni jibqgħu jagħmlu attività fiżika, sport organizzat għalissa jeħtieġ jistenna bħal diversi enitajiet oħrajn. 

Hija fakkret li llum bdew l-iskejjel tas-sekondarja biex issa l-lezzjonijiet kollha tal-primarja u s-sekondarja qed isiru fil-klassijiet.  Qalet illi sa issa ma kienx hemm clusters fl-iskejjel. 

 

More in Politika