Johnson & Johnson tissospendi t-tqassim tal-konsenji tal-vaċċin fl-Ewropa

Dan wara sitt każi fl-Istati Uniti ta' 'każi rari u severi' ta' għoqod fid-demm

Il-kumpanija Johnson & Johnson qalet li se tkun qed tissospendi t-tqassim tal-vaċċin tagħha fl-Ewropa wara rapporti li sitt nisa fl-Istati Uniti żviluppaw emboli fid-demm (bloodcloths) wara li rċevew it-tilqima, li tirrikjedi biss doża waħda.

Fil-fatt, l-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Uniti waqfu b'mod temporanju l-użu ta' dan il-vaċċin sakemm il-każi jkunu investigati biex ikun magħruf jekk kienx hemm rabta diretta bejn it-tilqima u dawn il-każi ta' għoqod fid-demm.

Minkejja li għalissa din it-tilqima mhux se tasal, bil-vaċċin li Malta għandha sa issa, jiġifieri dak ta' Pfizer, Moderna u AstraZeneca, il-miri tal-Gvern li jkun laqqam lil kulħadd sa Awwissu mhux se jkunu mittiefsa, għax il-kalkoli tal-awtoritajiet tas-saħħa ma kinux jinkludu l-vaċċin ta' Johnson & Johnson.

L-Istati Uniti amministrat aktar minn 6.8 miljun doża ta' dan il-vaċċin iżda uffiċjali mill-FDA (Food and Drug Administration) u anke mis-CDA (Centres for Disease Control and Prevention) qed jinvestigaw sitt rapport ta' dawk li qed jiddeskrivu bħala "każi rari u severi ta' għoqod fid-demm."

L-FDA hija responsabbli mill-approvazzjoni ta' kwalunkwe vaċċin u mediċina oħra għall-użu fl-Istati Uniti.

Dawn is-sitt nisa li żviluppaw l-għoqod tad-demm kellhom bejn 18 u 48 sena. Kollha kemm huma żviluppaw dawn is-sintomi bejn sitt u 13-il ġurnata wara li ħadu t-tilqima.

Il-vaċċin ta' Johnson & Johnson kien approvata għall-użu fl-Unjoni Ewropea x-xahar li għadda u t-tqassim tagħha kellu jibda din il-ġimgħa.

Din it-tilqima tuża teknoloġija simili għal dik tal-vaċċin tal-AstraZeneca. Anke dan il-vaċċin kien sospiż għal diversi jiem fil-pajjiżi Ewropej minħabba rapporti simili ta' għoqod fid-demm.

Diversi pajjiżi Ewropew irrakkomandaw biex dan il-vaċċin ma jkunx amministrat lil dawk iżgħar fl-età, minħabba li l-każi rari ta' għoqod fid-demm seħħew l-aktar fost dawk li għandhom inqas minn 50 sena.

Fil-fatt, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina kienet qalet li jista' jkun hemm rabta bejn dawn il-każi u l-vaċċin. Madanakollu saħqet li dawn il-każi huma rari immens u li l-benefiċċji tal-vaċċin huma ħafna akbar minn dawn ir-riskji rari.

More in Politika