'Aħna tlajna bl-għajta li se nkunu differenti u dawn l-inċidenti tappnu mill-wegħda li konna għamilna'

Voċiferu ħafna kontra l-MEPs tal-PN, huwa l-moħħ wara d-Dritt ta' Skonnessjoni, jaqbeż ħafna għall-kaċċaturi u ma tantx jomgħoda fuq l-immigrazzjoni. Il-gazzetta ILLUM tintervista lill-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba ...

"Jiena mhux se niġi hawn u nikkritika l-istess attitutdni li kont nieħu taħt amministrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista u ngħid li jiena kontra xi forma ta' apoloġija mill-Partit Laburista.  Il-Partit Laburista ma għandux ikun supperv ... ma naqbilx li għandna nadottaw l-attitudni arroganti li kien u baqa' jimxi biha l-PN."

Hekk sostna l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba għall-mistoqsija tal-gazzetta ILLUM dwar jekk jaqbilx li l-partit jagħmel apoloġija fid-dawl tal-aħħar żviluppi politiċi - xi ħaġa li pproponiet li jsir il-President Emeritus, eks President tal-PL u eks Ministru Marie Louise Coleiro Preca. 

Huwa żied jgħid iżda li qed idejqu ħafna r-raġunament ta' min - skont hu - qed jipprova jpinġi lill-Partit Laburista daqslikieku huwa organizzazzjoni kriminali u partit korrott.  "Qisu kull persuna fil-PL hija korrotta.  Dan mhux ġust.  Min allegatament żbalja għandu jħallas il-prezz u bħala partit mhu se nagħtu refuġju lill-ebda persuna.  Il-Partit Laburista mhu qed joffri refuġju lil ħadd," sostna l-MEP mal-ILLUM. 
Huwa fakkar li kien Gvern Laburista li daħħal il-liġi li neħħiet il-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi. 

'Lanqas noħlom li b'azzjonieti nitfa' dell ikrah fuq il-partit'

Il-gazzetta tfakkru iżda illi fil-PL hemm ħafna nies bħalu, Aaron Farrugia, Clyde Caruana, Miriam Dalli u tant oħrajn li tista' ma taqbilx magħhom, pero' li qatt ma kellhom akkużi ta' korruzzjoni fil-konfront tagħhom.  Iva allura dejjem Keith Schembri u Konrad Mizzi?  Kull fejn messew huma hemm l-akkużi u l-allegazzjonijiet?  Ma kellhomx jitneħħew ħafna qabel? 

Agius Saliba jibda jirrispondi għal dawn il-mistoqsijiet billi jfakkar li hu jħobb lill-Partit Laburista.  "Tajt żgħożiti għal dan il-partit.  Lanqas tgħaddili minn rasi li nagħmel azzjoni li titfa' dell ikrah, mhux fuqi ta, imma fuq il-partit.  Jiena tlajt tarġa, tarġa fil-partit u naf sew li kull azzjoni tiegħi tista' titfa' dell ikrah fuq il-partit," jisħaq l-MEP. 

"Ejja nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu, iressqu lil min għandhom iressqu - dawn nies li kienu parti integrali mill-Gvern - u jekk jinstabu ħatja, jiena l-ewwel wieħed li nkun irrabjat ħafna," qal Agius Saliba li sostna li hu daħal fil-politika biex ikun ta' servizz mhux biex jistagħna. 
Żied jgħid ukoll iżda li l-partit matul is-snin wettaq riformi kbar favur il-ġustizzja soċjali  "Qatt ma nista' ngħid li l-partit ma wettaqx ġid kbir.  Imma naqbel iva, li jekk ikun hemm ħtija dawn ikunu tappnu l-ħafna xogħol li sar mill-partit u tappnu lill-partit innifsu.  Jekk ikun ippruvat fil-Qorti dak li qed ikun allegat jew dak li qed ikun akkużati nies bih huwa minnu, iva jkolli rabja kbira għal dawn in-nies." 

Huwa ddeskriva bħala "estremiżmu politiku" u "argumenti frivoli" dawk ta' nies bħal Manuel Delia li qed jipproponu li jkun abolit il-Partit Laburista. 

Qal iżda li mhux argument li wieħed joqgħod jiġġustifika billi jfakkar x'sar taħt Gvern Nazzjonalista.  "Aħna tlajna bl-għajta li se nkunu differenti u iva dawn l-inċidenti tappnu mill-wegħda li konna għamilna," ammetta Agius Saliba li iżda mill-ewwel fakkar li l-PL huwa magħmul minn eluf u eluf ta' nies onesti. 

"Il-Partit wettaq ħafna ġid u riformi u fadallu ħafna riformi xi jwettaq u dan ix-xogħol m'għandux jittappan."

Huwa qal li jirrispetta x-xogħol kbir li għamlet Coleiro Preca u anke Maria Camilleri - li wkoll talbet li ssir apoloġija mingħand dawk li użaw lill-partit - għalkemm jgħid li ma jħossx li l-PM kurrenti għandu jagħmel apoloġija għal-iżbalji tal-ftit. 

'Iva ħaqqna nirbħu għax ... '

Imma jemmen Agius Saliba li fid-dawl ta' dawn l-allegazzjonijiet u akkużi kollha, l-Partit Laburista ħaqqu jirbaħ u jirbaħ b'distakki kbar elezzjoni ġenerali?

"Iva nemmen li ħaqqu jirbaħ mija fil-mija," jisħaq l-MEP.  "Ir-raġuni għaliex il-poplu afda lill-PL kien għaliex dan tela' bi programm elettorali li kien kapaċi jwettaq u jimplimenta, kważi fit-totalità tiegħu.  Jekk humiex għajnuniet, jekk hijiex ugwaljanza, jekk tlajna fuq l-għajta ta' titjib ta' infrastruttura - għamilna proġetti li qatt qabel, ħadd ma ħaseb li jistgħu jsiru.  In-nies se jivvotaw fuq min kapaċi joħloq il-ġid u jqassmu l-aħjar." 

Hawnhekk huwa indirizza s-sitwazzjoni fost dawk il-votanti mhux tradizzjonalment Nazzjonalisti, dawk li fl-2013 jew minn qabel jew anke wara, taw il-fiduċja tagħhom lill-Partit Laburista u fl-eks PM Joseph Muscat.  "Dawn jagħrfu l-progress li sar fil-pajjiż u anke f'ħajjithom - imma jriduna nkunu verżjoni aħjar tagħna nfusna.  Iridu li l-allegazzjonijiet u akkużi li qed nisimgħu fil-Qrati llum ma nerġgħux nisimgħu bihom  - qatt aktar."   

U finalment, il-gazzetta tfakkru li saru anke appelli minn nies bħal Saviour Balzan, biex il-PL jiddiżassoċja lilu nnifsu minn Joseph Muscat. 
Alex Agius Saliba jgħid illi f'għajnejh Joseph Muscat jibqa' l-persuna li ġabet fil-pajjiż rivoluzzjoni ekonomika u soċjali.  "Hu stess ammetta li seta' ħa deċiżjonijiet aħjar, fosthom dwar dak li staqsejtni u hu refa' responsabilità politika għal dan." 

Huwa jfakkar li sa issa ma jirriżulta minn imkien li Muscat hemm allegazzjoni fil-konfront tiegħu, jew li huwa persuna ta' interess jew inkella li qed jiġi investigat u allura ma jarax għalfejn, sal-lum, għandu jsir xi forma ta' distakkament. 
Huwa jgħid li minkejja dan kollu l-poplu - skont hu - jibqa' kontra dak li jsejjaħ il-ħsara li "l-PN jibqa' jagħmel kontra Malta, kemm lokalment u anke fil-Parlament Ewropew."

'Il-Qorti f'Malta qed tagħmel xogħolha, mhux bħall-Bulgarija u l-Ungerija'

U dan iwassalna allura għall-aħħar dibattitu fil-Parlament Ewropew li tratta l-assassinju u l-proċeduri fil-Qorti relatati ma' Daphne Caruana Galizia.  Imma Agius Saliba ma jistax jippretendi li ma ssirx diskussjoni fuq affarijiet li qed isiru fil-pajjiż, mhux hekk? 
Huwa jiċċara li lilu qatt ma dejqitu diskussjoni dwar Malta - kif saru diversi dibattiti fil-Parlament Ewropew fuq diversi pajjiżi oħrajn waqt il-plenarji. 

Ifakkar iżda illi waħda mill-aktar riformi importanti tal-Kummissjoni Venezja hija li l-istituzzjonijiet jaħdmu u jitħallew jaħdmu.  "Ikollok żewġ rikjesti  - li hija rari, imbuttata mill-MEPs Maltin proprju biex dan id-dibattitu jsir," sostna Agius Saliba. 
Hu staqsa iżda:  "Dan id-dibattitu x'solva?  Solva xi ħaġa?  Għamilna ġustizzja ma' Daphne Caruana Galizia b'daqshekk?  Il-Qorti qed tagħmel xogħolha.  Ara fil-Bulgarija l-awtoritajiet attivament jaħdmu biex iwaqqfu l-istituzzjonijiet milli jagħmlu xogħolhom.  Ara fl-Ungerija l-Gvern jgħaddi liġijiet, appuntu biex ma jħallix lill-istituzzjonijiet jaħdmu ... jiena qatt ma għidt li ma rridx niddiskuti din il-materja.  Imma mhux inħalli Maltin bħali jagħmlu ħsara lil pajjiżjhom," insista l-MEP Laburista. 

Huwa semma' numru ta' nies li tkellmu waqt id-dibattitu u semma' kif tkellem Antonio Tajani, "li nfakkar illi ġej mill-Forza Italia li membri tiegħu jinsabu taħt investigazzjoni minħabba l-qtil ta' xhud ewlieni fil-każ famuż kontra Silvio Berlusconi, il-bunga bunga. Jew nies mill-ECR tal-Polonja - fejn il-Gvern tagħhom jaħdem full time biex jara kif se jkisser id-drittijiet tal-minoranzi," sostna mal-ILLUM. 
Huwa sostna illi dan kollu seħħ biex jippruvaw jaffetwaw l-ġudizzju finali tar-rapport tal-moneyval. 

Fi storja esklussiva ippubblikata minn din il-gazzetta kien indikat li Malta mistennija tgħaddi mit-test tal-Moneyval, anke jekk għad fadal ħafna lobbying li qed isir mill-Gvern biex dan ir-rapport ikun approvat mill-FATF. 

Jekk Malta ma tgħaddix minn dan it-test kruċjali li jitratta l-ħasil ta' flus u reati finanzjarji, tispiċċa fil-lista il-Griża, daqqa kbira ħafna għall-ekonomija, b'mod speċjali il-qasam finanzjarju. 

 Jiġifieri Agius Saliba jemmen li dan id-dibattitu sar minħabba l-moneyval?

"Sar biex jittappan isem pajjizna, fosthom iva biex ikunu affetwtati l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Moneyval."

Dritt ta' Skonnessjoni:  'L-irlanda diġà introduċew din il-liġi kif proponejtha'

Naqbżu fuq is-suġġett tal-Liġi dwar id-Dritt ta' Skonessjoni, li faċilment titqies bħala l-akbar kisba ta' Agius Saliba bħala MEP sa issa.
Huwa jinterrompi l-mistoqsija u jgħid illi aktar milli l-liġi nnifisha l-akbar rebħa jgħid li huwa l-fatt li minkejja li l-liġi għadha ma għaddietx mill-istadji kollha, diġà ġiet introdotta fl-Irlanda, hekk kif proponieha hu. 
Il-gazzetta tistaqsih iżda kif jara li liġi tista' taħdem f'diversi impjiegi - fosthom il-ġurnaliżmu - fejn il-kuntatt ġeneralment jibqa' għaddej anke wara l-ħin tal-uffiċċju. 

Huwa jgħid illi l-proposta mhiex riġida u allura ma tapplikax l-istess għal kulħadd, inkella ma tkunx effettiva u jgħid li ma tiġix adottata. 

"Din il-liġi qed tara li min jeżerċità d-dritt li jaqta' mix-xogħol ma ssirx diskriminazzjoni kontrih, id-dritt li fejn isiru derogi biex ħaddiema ma jkunux jistgħu jgawdu minn dan id-dritt jiġu kkumpensati."
Agius Saliba jgħid li dan jgħodd mhux biss għal komunikazzjoni bejn ħaddiem u min iħaddmu, imma wkoll għal komunikazzjoni bejn kollegi. 

"M'għandniex nippretendu li l-ħaddiema jkunu produttivi fil-ħin li mhux tax-xogħol," saħaq Agius Saliba. 
Huwa temm jispjega li imbagħad ikunu l-isħab soċjali - fosthom il-unjins li jiddeċiedu li jadattaw din il-liġi meta jsiru ftehim kollettiv, skont in-natura tal-impjieg. 

'Mhux b'kumbinazzjoni li qegħdin fuq quddiem fil-proċess ta' vaċċinazzjoni'

Naturalment ma nistgħux ma nsemmux il-Covid-19.  L-Unjoni Ewropea jidher illi waqgħet lura fl-għoti tal-vaċċin, minkejja li l-proċess f'Malta baqa' għaddej b'mod spedit. X'jaħseb li hija l-problema?  Burokrazija żejda? 
Alex Agius Saliba jgħid li għall-ewwel l-affarijiet imxew sew.  Jgħid li l-problema kienet li xi pajjiżi straħu biss fuq l-ammonti li bdiet tgħaddi l-Kummissjoni Ewropea.  Qal ukoll li kien hemm problema ta' trasparenza fejn jirrigwarda l-kuntratti li l-UE għamlet ma' kumpaniji għall-fornitura tal-vaċċin. 

F'dak li jirrigwarda Malta huwa qal illi llum il-poplu qed jesperjenza fejn verament mar is-surplus li Malta għamlet fl-aħħar snin.  "Aħna investejna u xtrajna dak il-vaċċin li pajjiżi oħrajn ma ridux.  Mhux b'kumbinazzjoni li qegħdin fuq quddiem." 
Huwa jgħid li issa ċerti pajjiżi qed jiddispjaċihom li biegħu dawn il-vaċċin u qal ukoll li l-Gvern Awstrijakk kellu "jibla' kliemu" fuq akkużi li l-proċess tal-għoti tal-vaċċin kien b'xi mod ivvizzjat biex ivvantaġġja pajjiżi bħal tagħna. 

"Messhom kienu għaqlin mill-bidu bħal ma konna aħna."

Moviment ħieles għall-mediċini wkoll

Għal ftit ħin jagħmel ukoll referenza għal ittra li bagħat lill-Kummissjoni Ewropea illi fiha qed jesiġi li pajjiżi bħal Malta jkunu protetti wara Brexit, fir-rigward tal-mediċini. 

Huwa jispjega kif normalment prodott jimxi minn pajjiż għall-ieħor b'libertà, permezz tal-moviment ħieles.  Iżda dan mhux il-każ f'dak li jirrigwarda mediċini. 

"Aħna konna niddependu ħafna mir-Renju Unit għall-mediċini.  Imma issa dan il-pajjiż ħareġ mill-UE."

Huwa qal illi filwaqt li kollox huwa liberu fis-suq, għall-mediċini hemm 27 awtorità differenti, b'27 ostaklu. 

"Dan qed iwassal għal problemi fil-procurement u ta' prezzijiet eseġerati.  Għalhekk nemmen li kif hemm moviment ħieles fuq kollox, għandu jkun hemm moviment ħieles għal prodotti mediċinali." 

'Ma nistax nifhem il-pożizzjoni ta' Birdlife ...'

Agius Saliba jitkellem ħafna dwar il-kaċċa.  Imma fuq il-kaċċa, il-kaċċaturi jgergru għax minflok se jikkaċċjaw il-gamiema u s-summiena, se jkunu jistgħu jikkaċċjaw biss għas-summiena.  Minn naħa l-oħra Birdlife fetħet protest ġudizzjarju kontra l-istaġun li jiftaħ aktar tard f'April, minħabba li qed tgħid li ħafna kaċċaturi ma pparteċipawx fil-carnet de chasse u allura l-Gvern ma għandux biżżejjed informazzjoni biex jiftaħ l-istaġun. 

Huwa qal li hu jitkellem dwar id-delizzji kollha, "u naħdem biex niddefendihom."  F'dan il-punt huwa saħaq li ma jifhimx il-punt ta' Birdlife Malta, li skont hu, "minn naħa qed tgħid li m'għandhiex ssir riċerka fuq l-insib  - wara deroga li ġab il-Gvern mill-UE - għax inkella r-riċerka tintuża bħala skuża biex xorta jsir l-insib.  Imma fil-każ tal-istaġun tar-Rebbiegħa qed jgħidu li hemm bżonn ir-riċerka."

Huwa sostna li hu qatt ma wiegħed li se jissolvew il-problemi kollha tal-kaċċa u qal li hija idea ħażina dik li permezz tagħha ħafna qed jaħsbu li r-referndum tal-2015 fisser illi l-kaċċaturi jistgħu jikkaċċjaw fuq is-summien, imma anke fuq il-gamiem
Itemm ifakkar li Malta qed tiffaċċja diversi proċeduri dwar infurzar u anke l-insib u hu qed jagħmel l-almu tiegħu biex iwassal il-messaġġ tal-Gvern dwar dan is-suġġett quddiem l-UE.

'Fuq l-immigrazzjoni Parlament Ewropew qed jitwaqqaf minn blokk ta' pajjiżi'

U finalment il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Agius Saliba dwar l-immigrazzjoni.  Ħafna Maltin tilfu t-tama li l-UE u l-Parlament Ewropew jista' jagħmel xi ħaġa dwar din il-kwistjoni, għajr ħafna kliem sabiħ - wara ammont kbir ta' żbarki jew xi inċident. 
U l-MEP jaqbel.  "L-UE, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewoprew irnexxielhom jiksbu ħafna affarijiet fuq ħafna suġġetti.  Imma fuq l-immigrazzjoni baqgħu talking shop."

Sostna illi fil-verità ftit jista' jsir ladarba hemm blokk ta' pajjiżi li qed jimblukkaw deċiżjonijiet dwar fruntieri u solidarjetà.  Jgħid ukoll iżda li Malta qed tibgħat messaġġi ċari, filwaqt li l-Prim Ministru qed jitkellem mal-Gvern Libjan - kif fil-fatt għamel din il-ġimgħa. 
"Importanti li nkomplu b'dan il-koordinament, fl-istess  ħin li jsiru aktar ripatrijazzjonijiet u nibgħatu messaġġ b'saħħtu, li pajjiżna ma jistax jieħu aktar milli jiflaħ.  Nemmen li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti hija waħda soda."

More in Politika