Il-Moviment Graffitti jtemm il-protesti f'Ħad Dingli, imma jwissi li se jkun attent għal dak li qed iseħħ fil-lokalità

Il-grupp iwiegħed li se jkompli jsegwi wara li jintlaħaq qbil mal-IM u l-Ministeru tal-Infrastruttura

Il-Moviment Graffitti ħabbar it-tmiem tal-azzjonijiet tiegħu f’Ħad-Dingli, fejn ifakkar li rnexxielu jwaqqaf xogħol "illegali" li kien qed isir minn Infrastructure Malta (IM) fuq triq “skedata” għal tliet ġimgħat.

Wara l-laqgħa li saret bejn il-Moviment Graffitti u l-awtoritajiet, intlaħaq qbil fuq ċerti punti li dwarhom kienet qed issir il-protesta, fosthom li ma jinqatgħux siġar tal-ħarrub, li l-għaqda tgħid illi kieku mhux għall-protesta diġà nqatgħu.

"Iżda l-grupp se jkun qed isegwi mill-qrib dak li jkun qed jiġri f’Ħad-Dingli."

 Kelliema għall-Moviment Graffitti qalu li “l-azzjonijiet tagħna f’Ħad-Dingli altru milli spiċċaw. Ħa nkunu qed insegwu l-azzjonijiet ta’ Infrastructure Malta mill-qrib, speċjalment minħabba li dawn it-tliet ġimgħat urewna sa fejn kapaċi jaslu Azzopardi u l-ħaddiema tiegħu. Se nibqgħu viġilanti, u l-IM tajjeb li tifhem li jekk ma jżommux kelmthom, jerggħu jarawna hemm”.

“Aħna nibqgħu kompletament kontra din it-triq – u l-bini mingħajr raġuni ta’ aktar toroq skedati – u aħna, bħal ħafna residenti Dinglin, nemmnu li dan huwa biss pretest, li eventwalment se jwassal għall-iżvilupp ta’ iktar art ODZ.”

More in Politika